Merħba

Nilqgħukom fil-Blog tas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`. L-għan ta’ dan il-Blog hu Ii nżommuk aġġornat dwar dak li jkun għaddej fl-oqsma tal-Anzjani u Saħħa Mentali li tagħhom hu responsabbli dan is-Segretarjat.

Friday, July 23, 2010

Jingħata l-Premju Ħaddiem tas-Sena fl-iSptar Monte Karmeli



Waqt serata ddedikata għall-ħaddiema tal-iSptar Monte Karmeli is-Sur Angelo Mizzi ingħata l-premju l-Ħaddiem tas-Sena tal-istess sptar filwaqt li t-tim tal-Psychiatric Outpatients ingħata l-premju it-Tim tas-Sena.

Is-Sur Angelo Mizzi jokkupa l-kariga ta’ Senior Tradesman u ġie deskritt bħala persuna eżemplari u flessibbli ħafna fix-xogħol tiegħu. Is-Sur Mizzi, li preżentament jagħti s-servizzi tiegħu fis-Social Centre u fis-Psychiatric Unit tal-iSptar Mater Dei juża wkoll il-ħiliet artistiċi tiegħu biex jgħin lill ta’ madwaru. Il-Kollegi tiegħu ikkumentaw ukoll li ħafna drabi jirnexxielu jiskopri talenti moħbija fl-individwi differenti li huwa jaħdem magħhom u jsib mod kif dawn jitużaw għall-ġid tal-iSptar u l-missjoni tiegħu.

It-tim tas-Psychiatric OutPatients jiltaqa kuljum ma numru kbir ta persuni ġejjijn minn kull qasam tas-soċjeta. Il-Membri ta dan it-tim ġew deskritti bħala effiċjenti ħafna fis-servizzi li jipprovdu filwaqt li jagħmlu dan b’mod professjonali u ferrieħi. Dan minkejja li l-memberi tat-tim jaħdmu f’ċirkostanzi li kultant ikunu diffiċli minħabba n-natura tal-problemi li l-pazjenti tagħhom jiltaqgħu magħhom.

Din is-sebgha edizzjoni tal-ħaddiem tas-sena saret fil-pjazza prinċipali tal-iSptar Monte Karmeli

B'Ringrazzjament lill-haddiema kollha fis-settur tas-Sahha Mentali


F’diskors fl-okkażjoni tal-Premju Ħaddiem tas-Sena tal-Isptar Monte Karmeli, is-Segretarju Parlamenari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita, l-Onor Mario Galea, qal li f’kull ċirkostanza id-differenza jagħmilha min jaqdmi dmiru sew u jagħmel ftit aktar minn hekk.

Is-Segretarju Parlamentari qal li fil-qasam tas-saħħa mentali huma ħafna dawk li jagħmlu dan.

“F’dan il-qasam issib ħaddiema li jagħmlu xogħolom sew u jagħmlu ħafna aktar minn dak li hu mistenni minnhom. Naf dan għax nara b’għajnejja li dak li tagħmlu tagħmluħ b’imħabba u b’impenn għax jimpurtakhom mix-xogħol li tagħmlu. Jien konvint li permezz ta din il-ħidma missejtu diversi ħajjiet ta’ persuni li lllum, grazzi għalikhom, jinsabu ferm aħjar”, stqarr l-Onor Galea.

Hu qal li t-triq li twassal għas-suċċess ma persuna bi problemi ta’ saħħa mentali, mhix faċli u hija waħda mimlija ostakli. L-Onor Galea irrimarka kif l-istigma li ddur ma dan il-qasam ma taffettwax biss lill-pazjent imma taffettwa wkoll lill-ħaddiem u minħabba f’hekk il-ħidma li ssir ġeneralment ma tkunx apprezzata biżżejjed.

Is-Segretarju Parlamentari qal li saret ħidma biex is-servizz jiġi pprovdut fi ħdan il-komunita u allura tkun aktar viċin lejn min għandu bżonn il-kura u l-pariri relatati filwaqt li l-istess kura tkun aktar aċċessibbli.

“Irrid nirrikonoxxi l-ħidma utli li qed issir mill-professjonisti. Bis-saħħa tagħkom komplejn nifirxu s-servizzi f’diversi rħula, mill-Imtarfa sa Raħal Ġdid, Ħal-Kirkop, Bormla u ż-Żejtun fost postijiet oħra. Is-sena li għaddiet 12,000 persuna użaw is-servizzi fil-komunita, fejn anke d-Day Centres issa qed jintużaw b’mod attiv”.

Il-Onor Galea, qal li lkoll kemm aħna nagħmlu diversi għażliet fil-ħidma li nwettqu u fil-mod li biħ imwettquha. Filwaqt li hemm min jagħżel l-aktar triq komda, hemm min jagħżel ħidma li tirrikjedi vokazzjoni u ħafna sagrifiċċji u bħal “rollercoaster” toffri mumenti ta’ entużjażmu imma wkoll oħrajn ta biża li kważi jsabbtuk mal-art. Hu qal li l-ħaddiema li għażlu li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali għażlu triq li mhix faċli imma waħda li ttik ħafna lura.

Hu qal li din l-għażla toffri mumenti sbieħ meta fis-skiet jiġi ċċelebrat suċċess ta persuna li jirnexxielha tegħleb il-problemi ta’ saħħa mentali, imma mumenti ta dieqa wkoll meta l-professjonisti jitilfu xi pazjent li jkunu ikkuraw b’għożża.

Is-Segretarju Parlamentai temm jgħid li x-xogħol li jitwettaq ibiddel il-ħajja ta’ persuna u allura jibqa ħaj tul ħajjet il-persuna imma anke tul-ħajjet il-familjari. Hu rringrazzja lill-ħaddiema kollha filwaqt li feraħ lill dawk kollha li ġew nominati għall-eżempju kontinwu li qed jagħtu matul il-ħidma tagħhom.

Wednesday, July 21, 2010

Kors li jwassal għal Ċertifikat ta’ Care Assistant

Id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita` qiegħed jerġa’ jilqa’ applikazzjonijiet għall- kors ta’ taħriġ teoretiku u prattiku li jwassal għall-Ċertifikat ta’ Care Assistant. Il-kors li se jibda fit-13 ta’ Settembru 2010 huwa fuq bażi full time għal erba’ xhur. It-taħriġ teoretiku u prattiku jkun mit-Tnejn sal-Ġimgħa.

Din hija inizjattiva li għandha twassal lil persuna biex ‘il quddiem tkun tista’ taħdem fil-qasam interessanti tal-anzjani f’pajjiżna.

L-applikazzjonijiet se jkunu qed jiġu aċċettati strettament minn nhar it-Tnejn, 2 ta’ Awwissu 2010 sal-Ġimgħa, 13 ta’ Awwissu 2010 bejn id-9.00am u nofsinhar. Kull applikazzjoni għandha tasal (bl-idejn jew bil-posta) fis-Sezzjoni tal-Accounts, id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`, Ċentru Ħidma Soċjali, Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera.

Ma’ kull applikazzjoni importanti li wieħed jinkludi Ċertifikat tal-Kondotta tal-Pulizija, School Leaving Certificate, kif ukoll kopji taċ-Ċertifikati Akkademiċi. Dawn flimkien ma’ pagament ta’ 75 Euro li jingħataw lura jekk il-persuna ma tintagħżilx biex issegwi l-kors. Il-pubbliku jista’ jikseb aktar informazzjoni fuq in-numru tat-telefown: 22788000.

Tuesday, July 20, 2010

Pass importanti ieħor fis-Saħħa Mentali



Permezz ta’ ftehim li sar mill-isptar Monte Carmeli mal-Awtorita` tad-Djar, 4 persuni li esperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali issa se jkunu jistgħu jerġgħu jintegraw ruħhom fil-komunita` billi jgħixu flimkien fi flat mgħammar b’kollox.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita` l-Onor Mario Galea, spjega li dawn l-4 persuni ħadu l-kura li kellhom bżonn, imma għal raġunijiet differenti ma għandhomx fejn joqogħdu. Permezz ta’ dan il-ftehim, l-Awtorita` tad-Djar qed tgħaddi flat fis-sena lill-Isptar Monte Carmeli biex jintużaw minn dawk li ma għandhomx għalfejn jibqgħu l-isptar Monte Carmeli, u allura jkunu jistgħu jintegraw fil-komunita`.

L-Onor Galea spjega li dan il-proċess ta’ riabilitazzjoni jibda minn żmien qabel mal-persuni jidħlu fil-flat. Filfatt, wara li l-persuni jintagħżlu mit-tim multi dixxiplinarju li jipprovdilhom il-kura, jingħataw ukoll bħal taħriġ li permezz tiegħu jirkupraw ħiliet li wieħed ikollu bżonn biex jgħix fil-komunita`.

Dan jinkudi kif per eżemplu wieħed juża ATM u wkoll kif iqassam il-flus li jkollu b’mod effiċjenti.

Wara li l-persuni jmorru jgħixu fil-flat, infermiera u social workers, li jiffurmaw parti minn dak li jissejjaħ outreach team, iżuru l-persuni biex jaraw kif ikunu qed jgħixu u naturalment ituhom il-pariri relatati.

“Frixna is-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunita`, u s-sena li għaddiet 12,000 persuna ħadu l-kura li kellhom bżonn fil-lokalitajiet differenti li fihom qed noffru dawn is-servizzi” qal l-Onor. Galea.

Is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll li fl-aħħar ġimgħat sar ftehim mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Kirkop biex mill-bini tal-kunsill stess jibda jingħata servizz ta’ kura għall-problemi ta’ saħħa mentali. Ftehim simili sar ukoll biex is-servizzi jibdew jingħataw anke minn Raħal Ġdid.

L-Onor Galea temm jgħid li llum hawn ftit aktar minn 100 professjonist tas-saħħa mentali li qed jaħdmu fil-komunita`.

Monday, July 19, 2010

Imniedi l-Premju Anzjan tas-Sena 2010


Illum bdiet it-tfittxija għall-anzjan tas-sena 2010. Waqt it-tnedija tal-Premju Anzjan tas-Sena s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`, l-Onor Mario Galea, qal li fi ħdan is-soċjeta` tagħna hawn eluf ta’ anzjani li huma msemmija għall-ħidma siewja li wettqu u għadhom qed iwettqu f’diversi lokalitajiet.

L-Onor Galea stieden lill-pubbliku in ġenerali, lill-Kunsilli Lokali u lill-għaqdiet differenti biex jinnominaw lill xi anzjan / anzjana għal dan il-premju presitiġjuż li ta’ kull sena jgħinna napprezzaw aħjar il-ħidma li l-anzjani jwettqu fis-skiet.

Illum f’Malta hawn ‘il fuq minn 95,000 persuna li għandhom aktar minn 60 sena u minn dawn huma ħafna dawk li jiddeċiedu li jibqgħu attivi b’xi mod, bħal fis-settur tal-volontarjat jew anke permezz tax-xogħol.

Is-Segretarju Parlamentari semma l-bidla fil-mod li bih inħarsu lejn l-anzjani. Din id-differenza tidher ukoll fid-diversi attivitajiet u opportunitajiet li jinħolqu għall-anzjani, bħal sports days għall-anzjani, tagħlim tal-kompjuter u saħansitra fitness room f’day centre għall-anzjani.

“Kull anzjan għandu l-istorja tiegħu. L-aqwa li l-lezzjoni tal-ħajja teħodha mill-esperjenza tal-ħajja. Kull anzjan ta konribut lil pajjiżna biex ix-xogħol tiegħu ħalla l-marka tiegħu fuq pajjiżna. Kull soċjeta` għandha l-valuri tagħha, u dawn ġejjin minn missirijietna. Kull ħaġa li għandna madwarna hija frott il-ħidma tal-anzjani tal-lum.

Għalhekk, il-Premju Anzjan tas-Sena għandu jservi ta’ ringrazzjament ġenerali”, temm jgħid l-Onor Galea.

In-nominazzjonijiet jibqgħu jintlaqgħu sat-13 ta’ Settembru 2010 fejn imbagħad il-bord tal-għażla jeżamina kull nominazzjoni sakemm finalment jintagħżel ir-rebbieħ. Is-Serata finali se ssir taħt il-patronċinju tal- E.T. il-President ta’ Malta, fil-Palazz tal-President il-Belt Valletta nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Ottubru 2010.

Il-formoli tan-nominazzjonijiet jistgħu jinkisbu mid-Dipartiment tal-Anzjani u Kura fil-Komunita`, Ċentru Ħidma Soċjali Triq il-Kbira, San Ġużepp (tel. 2279 9440) u mid-Dipartiment għall-Anzjani, Pjazza San Franġisk, Rabat Għawdex (tel. 21565248).

Zjara mill-ET il-President Abela



Friday was a special day for the Elderly resident at Saint Vincent De Paul Residence, as HE President George Abela visited the wards at the Residence.

Parliamentary Secretary Hon Mario Galea showed HE the President around the various wards.

Wednesday, July 14, 2010

NAR FIL-BINI TAL-ISPTAR MONTE KARMELI

Għal ħabta tas-7.30 p.m., kien hemm nirien fil-laundry li tinsab fil-bini tal-Isptar Monte Karmeli (magħrufa bħala l-laundry tal-KOLS). Filwaqt li ssejħet l-għajnuna, ittieħdu minnufiħ prekawzjonijiet sabiex ħadd mill-pazjenti li hemm fl-isptar ma jkun affettwat mis-sitwazzjoni.

In-nar li dam jaqbad għal xi ħin ġie kkontrollat mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili. Ħadd ma weġġa fl-inċident.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’, l-Onor Mario Galea żar il-post sabiex jaċċerta ruħu mis-sitwazzjoni. Hu rringrazzja lill-membri tal-protezzjoni ċivili u lill-membri tal-Korp tal-Pulizija li minnufiħ irrispondew għas-sejha għall-għajnuna u tfew in-nirien fil-laundry.

Tuesday, July 13, 2010

PROĊESS TA’ INFORMAZZJONI DWAR IS-SAĦĦA MENTALI


Aktar kmieni din is-sena, s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’, l-Onor. Mario Galea, nieda sett ta’ seba’ fuljetti b’informazzjoni dwar l-aktar problemi ta’ saħħa mentali komuni f’pajjiżna.

Hu qal li dan huwa pass ieħor li qiegħed jittieħed sabiex tiġi miġġielda l-istigma li sfortunatament iddur ma’ dan is-settur u li twaqqaf persuni milli jieħdu l-kura neċessarja.

Dan il-proċess ta’ informazzjoni jikkumplimenta miżuri differenti li ttieħdu sabiex il-kura għas-saħħa mentali tkun aktar viċin dawk li għandhom bżonnha. Fil-fatt, bis-saħħa tas-servizzi differenti li jingħataw fil-komunita’ 12,000 persuna qed jingħataw kura fil-komunita’ fejn jgħixu u saħansitra fi djarhom.

Is-Segretarju Parlamentari qal li “ħafna drabi naħsbu li aħna qatt mhu se jkollna problema ta’ saħħa mentali, mentri studji internazzjonali juru li raġel minn kull sitta u mara minn kull erba’ jesperjenzaw dipressjoni f’xi punt f’ħajjithom.” L-Onor Galea qal li hemm bżonn li nirrealizzaw li hawn min jista’ jagħti l-għajnuna, u għalhekk huwa importanti li nkunu nafu wkoll minn fejn nistgħu nsibu f’din l-għajnuna.

Saturday, July 10, 2010

Ikkundannat att vandalu

Is-Segretarju Parlamentari l-Onor Mario Galea jikkundanna l-att vandalu li sar fuq il-qabar tal-familja tas-Sindku taż-Żejtun is-Sur Joe Attard.

Att bħal dan juri il-moħħ magħluq li l-vandali għandhom.

Is-Segretarju Parlamentari juri solidarjeta lill-familja Attard f’dan il-mument xejn sabiħ.

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20100710/local/zejtun-mayors-family-grave-vandalised

Friday, July 9, 2010

Miżuri għal waqt Heatwave


Il-Kumitat tal-Heatwaves, li twaqqaf sentejn ilu, għandu l-iskop li, f’każ ta’ Heat Wave, jittieħdu serje ta’ miżuri fid-djar tal-anzjani mmirati biex jitnaqqas il-periklu li sħana eċċessiva ġġib magħha.

Dan il-kumitat, li jiġbor fih rappreżentanza tad-djar tal-anzjani tal-Gvern, jikkollabora mal-uffiċċju meteoroloġiku, u joħroġ “heatwave alert” li jasal f’kull dar tal-anzjani permezz ta’ emails u telefonati.

Ladarba joħroġ dan l-avviż jidħlu fis-seħħ numru ta’ miżuri bħal:

- b’konsultazzjoni mar-residenti jiġi adattat il-menu għal waqt heatwave, (dieta bilanċjata li tinkludi frott u ħaxix).

- jinqraw, 3 darbiet kuljum it-termometri li twaħħlu f’kull kamra li fihom l-individwi l-aktar vulnerabbli jgħaddu l-maġġoranza tal-ħin. Dan jippermetti li l-airconditioners jiġu regolati skont it-temperatura rakkomandata.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita` l-Onor. Mario Galea, spjega li x-xogħol tal-kumitat qiegħed jagħmel differenza pożittiva qalb l-anzjani, li huma vulnerabbli waqt heatwave.

Hu qal li s-Segretarjat, flimkien mad-Dipartiment tal-Istandards u tal-Promozzjoni tas-Saħħa, qed jirrakkomandaw lill-anzjani

- biex jevitaw ix-xemx bejn il-ħdax ta’ filgħodu u l-erba’ ta’ wara nofsinhar,

- biex jixorbu ilma frisk b’mod frekwenti

-biex jilbsu ħafif u waqt heatwave jagħmlu użu minn xugamani mxarrba

L-Onor Galea qal ukoll li l-kumitat jirċievi rapporti dwar l-istat tal-airconditioners li hemm fid-djar tal-anzjani kollha tal-Gvern, fir-Residenza San Vinċenz De Paul, u l-isptarijiet Monte Carmeli, u Karin Grech.

Is-Segretarju Parlamentari appella wkoll biex l-anzjani, u mhux biss, li jgħixu fil-komunita` jieħdu numru ta’ prekawzjonijiet bażiċi bħal:

- ikollhom provvista adegwata ta’ fannijiet, water sprays, ilma, silġ u oral rehydration salts

- li l-anzjani jassiguraw li, filwaqt li jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji, it-twieqi kollha jkunu jistgħu jinfetħu sabiex l-arja tiċċirkola fil-post

- jiżdiedu l-postijiet li jipprovdu dell, permezz ta’ shades jew pjanti

- l-anzjani għandu jkollhom ilbies ta’ materjal ħafif li huwa adattat għas-sħana ta’ matul is-sajf.

Waqt l-istess konferenza tak-aħbarijiet tnieda wkoll poster li se jitqassam fil-Kunsilli Lokali, fid-Djar tal-Anzjani, Sptarijiet, Uffiċċji Parrokkjali bħala kampanja edukattiva u ta’ prevenzjoni dwar miżuri neċessarji f’każ ta’ HeatWave.

Thursday, July 8, 2010

120 PERSUNA JTEMMU B’SUĊĊESS KORS DWAR IS-SAĦĦA MENTALI


Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`, l-Onor. Mario Galea feraħ lil 120 parteċipant li f’Jannar temmew b’suċċess kors psiko-edukattiv li kellu l-għan li jagħti aktar tagħrif dwar is-saħħa mentali. F’ dan il-kors, li kien organizzat mill-Mental Health Association, ġew diskussi metodi differenti kif tkun ttrattata s-saħħa mentali u kif din is-sitwazzjoni tkun aċċettata minn-familjari u qraba.

Din l-Assoċjazzjoni għandha l-għan li tnaqqas l-istigma assoċjata mas-saħħa mentali billi toffri taħriġ pubbliku in ġenerali fosthom anke t-tfal tal-iskola u wkoll qraba ta’ pazjenti.

Is-Segretarju Parlamentari jisħaq dwar l-importanza ta’ aktar għarfien fil-qasam tas-saħħa mentali li għadu meqjus bħala tabu` minn bosta nies.

L-Onor. Galea japprezza ferm il-ħidma ta’ din l-Assoċjazzjoni li taħdem ma’ persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali u mal-familjari tagħhom.

Dan il-kors isir kull sena u jikkonsisti minn 12-il lezzjoni li twasslu minn nies kkwalifikati fosthom psikologi, psikjatri u social workers.