Merħba

Nilqgħukom fil-Blog tas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`. L-għan ta’ dan il-Blog hu Ii nżommuk aġġornat dwar dak li jkun għaddej fl-oqsma tal-Anzjani u Saħħa Mentali li tagħhom hu responsabbli dan is-Segretarjat.

Thursday, September 30, 2010

Jizdiedu s-servizzi tal-fizjoterapija

Żdiedu s-Servizzi tal-fiżjoterapija. Dan sar billi s-servizz beda jkun offrut fid-dipartimenti tal-in-patient ta’ San Vinċenz De Paul u komplew fis-swali tal-Anzjani fl-Isptar Monte Karmeli u fid-Djar tal-Anzjani tal-Gvern.

Dawn laħħqu anke mad-domanda tas-swali li nfetħu ġodda, kemm f’San Vinċenz De Paul kif ukoll fl-Isptar Monte Karmeli b’żieda ta’ 110 sodda aktar fuq dawk diġa’ eżistenti.

MESSAĠĠ MIS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA’, L-ONOR. MARIO GALEA, FL-OKKAZJONI TAL-JUM INTERNAZZJONALI DDEDIKAT GĦALL-ANZJANI - 1 TA’ OTTUBRU 2010



L-Anzjani huma katina li torbot ġenerazzjoni mal-oħra. Kull ġenerazzjoni sawret lill-pajjizna, bnietu, għamlitu dak li hu llum. Tul il-milja ta’ żmien pajjiżna għaddha minn gwerer u invazjonijiet, għal Stat Indipendenti, Repubblika u fl-aħħar sab id-destinazzjoni tiegħu fl-Unjoni Ewropea.

L-Anzjani huma kotba ħajja li kapaċi jirrakkontaw l-istorja tal-bieraħ u jinsġuha f’realta’ tal-lum. Kieku ma kienux l-anzjani, la għandna identita’, kultura, reliġjon u wisq anqas tradizzjonijiet.

Grazzi għat-titjib fix-xjenza u kura, l-life expectancy f’Malta hija fost l-aħjar fl-Ewropa. Illum m’għadiex sorpriża li tiltaqa’ ma’ anzjani li għalqu l-mitt sena u saħansitra fir-Residenza San Vinċenz de Paul hemm min għandu mija u ħames snin. Dan kollu huwa dovut għat-tobba, infermiera u professjonisti oħra bravi Maltin.

L-Anzjani tagħna huma fost l-akbar teżor li għandu pajjiżna u kull wieħed/waħda minna għandu dmir jgħozz anżjani qraba tiegħu, jirrispetahom u jikkurhom kif jista’. Qatt u b’xejn ma nistghu nħallsu d-dejn kbir li għadna mal-anzjani tagħna.

Għalhekk, f’dan il-jum internazzjonali ddedikat lill-anzjani, insellem u nirringrazzja lill-anzjani Maltin u Għawdxin, u lill-dawk li ta’ kuljum jipprovdulhom kura u servizzi differenti b’dedikazzjoni, impenn u rispett.

Monday, September 27, 2010

ISMIJIET ĠODDA GĦAS-SWALI FIR-RESIDENZA SAN VINĊENZ DE PAUL

Sabiex isir aktar faċli biex kemm residenti u viżitaturi jiffamiljarizzaw rwieħom malajr mar-Residenza San Vinċenz De Paul, sa minn din il-Ġimgħa bdew jintużaw ismijiet ġodda għas-swali tar-residenza.

Din hija l-lista tal-ismijiet il-ġodda tas-swali:

L-isem kif kien > L-isem ġdid

Female 5/6 > St Francis Ward 1
Female 7/8 > St Francis Ward 2
Female 9/10 > St Francis Ward 3
Female 11/12 > St Francis Ward 4

Male 20/21 > St Joseph Ward 1
Male 9/10 > St Joseph Ward 2
Male 5/6 > St Joseph Ward 3
Male 7/8 > St Joseph Ward 4

11 St Joseph > St Joseph Ward 5
12 St Joseph > St Joseph Ward 6
13 St Joseph > St Joseph Ward 7
14 St Joseph > St Joseph Ward 8
22 St Joseph > St Joseph Ward 9
15/16 St Joseph > St Joseph Ward 10

Ruzar Briffa Ward 1 > Ruzar Briffa Ward 1
Ruzar Briffa Ward 4 > Ruzar Briffa Ward 2
Ruzar Briffa Ward 2a > Ruzar Briffa Ward 3
Ruzar Briffa Ward 2b > Ruzar Briffa Ward 4
Ruzar Briffa Ward 3 >Ruzar Briffa Ward 5

Admission Ward - Baqgħet l-istess
Serenity Wards 1,2, and 3 - Baqgħet l-istess
Loreto, Lourdes and Fatima - Baqgħet l-istess
Pope John II Wards 1, 2, 3 and 4 - Baqgħet l-istess
Madre Teresa Wards 1, 2 and 3 - Baqgħet l-istess

Wednesday, September 15, 2010

42 ANZJAN MIR-RESIDENZA SAN VINCENZ DE PAUL SE JIPPARTEĊIPAW F’MARATONA TAS-SAJD

Bl-iskop li jkunu ta’ għajnuna għall-organizazzjoni Puttinu Cares, grupp imdaqqas ta’ anzjani li joqgħodu fir-Residenza San Vinċenz De Paul se jagħtu sehemhom f’Maratona tas-Sajd li ser issir il-Ħadd li ġej.

Hekk kif semgħu bil-Maratona, numru ta’ anzjani wrew l-interess tagħhom li jipparteċipaw, u b’hekk ikunu wkoll ta’ għajnuna prattika lis-soċjeta’. Għalhekk is-sezzjoni tal-Entertainment fi ħdan l-istess residenza, għamlet il-kuntatti kollha neċessarji biex dan seta’ jsir.

Għall-attivita’ l-anzjani organizzaw rwieħom sew, u tqassmu f’ħames gruppi ta’ seba’ persuni kull wieħed, bi grupp ieħor li se jkun fuq stand-by, f’każ li xi ħadd jgħejja jew ikun ma jiflaħx.

L-iskop tal-Maratona, li qed tiġi organizzata mill Blue Sea Angling Club, huwa dak li jinkiser ir-rekord dinji tal-akbar numru ta’ nies jistadu flimkien għal erba’ siegħat, filwaqt li jinġabru fondi b’risq l-organizzazzjoni Puttinu Cares.

Il-Maratona ser issir il-Ħadd li ġej bejn 12:00hrs u 16:00hrs f’Marsaskala.

Tuesday, September 14, 2010

STQARRIJA MILL-MINISTERU TAS-SAĦĦA U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA’

Fl-14 ta' Settembru l-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) informat lid-Divizjoni tas-Saħħa li l-Union kienet qed temenda d-direttiva dwar it-tqassim tal-medicini fis-swali.

Il-Gvern japprezza dan il-pass u jqis li dan huwa fid-direzzjoni t-tajba.

Madankollu, il-Gvern iħeġġeġ lill-Union sabiex twaqqaf id-direttivi kollha li qed ikunu ta’ dannu għall-morda, inkluż id-direttiva li ma jiġbrux il-medicini perikolużi mill-ispiżeriji tal-isptarijiet ħalli jitwasslu lill-pazjenti fis-swali. Jeżistu policies interni tad-dipartiment u liġijiet li jirregolaw it tqassim ta’ mediċini perikoluzi u l- methadone li jistipulaw li ħadd ma jista’ jiġbor u jqassam dawn il-mediċini ħlief in-nurses u l-ispiżjara. Il-Gvern qatt ma jista’ jaċċetta li l-pazjenti u n-nies vulnerabbli jsofru. Għalhekk il-Gvern jerga’ jħeġġeġ lill-Union tan-nurses sabiex twaqqaf id-direttivi li jfissru tbatija lill-morda ħalli jkomplu d-diskussjonijiet bil-għan li s-servizzi tas-saħħa jkomplu jitjiebu anke permezz ta’ żvilupp fit-taħriġ għan-nurses.

Fi żvilupp ieħor, il-Ministru Joe Cassar u s-Segretarju Parlamentari Mario Galea, ikkuntattjaw lis-Sur Paul De Raeve, is-Segretarju Generali ta’ l-European Federation of Nurses (EFN), fejn stiednuh jiġi Malta ħalli jara b’għajnejh is-sitwazzjoni u jagħraf l-ineżattezzi li twasslulu. Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Sahha, l-Anzjani u Kura fil-Komunita’, Dr Kenneth Grech, kiteb ittra (kopja annessa ma’ din l-istqarrija) dwar l-informazzjoni ineżatta u skoretta li kien hemm fl-istqarrija tal-EFN.

Is-Saħħa tal-Pazjent tiġi l-ewwel

Il-Ministeru tas-Saħħa u s-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ isostnu li kulħadd għandu jfittex l-aħjar interessi tal-persuni morda u vulnerabbli.

Għalhekk fil-waqt li jikkundanna d-direttivi tat-tmexxija tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (l-MUMN), il-Gvern jixtieq juri l-apprezzament tiegħu u tal-poplu Malti lin-nurses li qed jaghtu servizz mill-aqwa lill-persuni morda u vulnerabbli fl-isptarijiet u s-servizzi pubblici.

Il-Gvern ma jistax jifhem kif, minflok ma tikkopera biex tkompli tittejjeb is-sitwazzjoni preżenti, inkluż billi jiġu ngaggati infermiera barranin u jitharrgu aktar studenti fin-nursing, din il-Union qed toħroġ direttivi li kulma jagħmlu huwa li jweġġgħu lill-pazjenti u l-familji tagħhom u jagħtu isem ħażin lil din il-professjoni delikata.

F’dan il-kuntest, il-Gvern itenni d-disponibbilita` tiegħu li jiddiskuti ma’ kulħadd, inkluż mal-Union meta din twaqqaf d-direttivi li jweġġgħu lill-morda, sabiex is-servizzi tas-saħħa jkomplu jitjiebu anke permezz ta’ żvilupp fit-taħriġ ghan-nurses.

Friday, September 10, 2010

Iġri għal Qalbek

‘Iġri għal Qalbek’ hija t-tema ewlenija għall-attivita` ta’ ġiri li se ssir fir-Residenza San Vinċenz de Paul. Din l-attivita` se tinkludi tellieqa ta’ 5kilometri u Fun Run ta’ kilometru u qed tkun organizzata biex tikkommemora l-festa ta’ San Vinċenz u Jum l-Anzjani. Din l-attivita` se ssir nhar is-Sibt 2 ta’ Ottubru 2010.

Ir-Running Group f’San Vinċenz de Paul twaqqaf fi Frar 2002. Dan il-Grupp huwa magħruf bħala l-Kumitat St. Vincent de Paul Running Group. Din hija d-9 edizzjoni tat-Tellieqa tal-5km u l-1km Fun Run. Dan il-Grupp huwa ffurmat mill-ħaddiema ta’ San Vinċenz de Paul.

L-Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita`, l-Onor. Peter Micallef qal li l-għan ta’ dan il-Kumitat huwa li jippromwovi u jħeġġeġ lill-ħaddiema u r-residenti jsegwu stil ta’ ħajja san permezz tal-atletika, li jkunu mħeġġa attivitajiet soċjali u edukattivi fost il-ħaddiema u l-promozzjoni tar-Residenza San Vinċenz permezz tal-isports. Għall-ewwel darba s-Saint Vincent de Paul Running Group se jkollu l-mascot tiegħu, Xoninu. Din il-manifestazzjoni sportiva qed tkun organizzata flimkien mad-Dipartiment tal-Anzjani bil-kollaborazzjoni tal-Kunsilli Lokali ta’ Ħal Luqa, tal-Marsa u ta’ Ħal Qormi u l-Malta Amateur Athletic Association.

L-Onor. Peter Micallef ħeġġeġ il-ħaddiema kif ukoll il-pubbliku in ġenerali biex jattendu kemm it-Tellieqa kif ukoll il-Fun Run. Aktar informazzjoni dwar din l-attivita` tista’ tinkiseb mis-sit www.svpathletics.org.

Wednesday, September 1, 2010

200 STUDENT TA’ SKOLA SAJF IŻURU LILL-ANZJANI

Ftit aktar minn 200 student minn SkolaSajf illum żaru u ferrħu lill-anzjani fir-Residenza San Vinċenz De Paul waqt attivita` speċjali organizzata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`.

L-Onor. Stephen Spiteri, Assistent Parlamentari fil-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li hekk kif SkolaSajf issa waslet fl-aħħar jumejn tagħha, din kienet okkażjoni sabiħa li matulha t-tfal setgħu jaqsmu l-entużjażmu tagħhom u dak li ħadu waqt SkolaSajf mal-anzjani. Hu semma kif SkolaSajf kienet suċċess mibni fuq is-suċċessi miksuba fis-snin li għaddew u li matulu tingħata ħafna importanza għal attivitajiet extra kurrikulari li jikkontribwixxu mhux ftit għall-bini u l-formazzjoni tal-karattru. Skola Sajf, li din is-sena kellha 3,000 student, serviet ukoll ta’ opportunita` prattika għal madwar 200 student ieħor li qed jieħdu t-taħriġ biex isiru għalliema.

L-Onor. Peter Micallef, Assistent Parlamentari fil-Ministeru għas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita` irringrazzja lit-tfal talli attendew għal dan l-avveniment u fakkarhom li l-anzjani huma n-nanniet tagħna lkoll. Micallef sellem lill-ħaddiema kollha li jaħdmu ma’ aktar minn 1,000 anzjan li joqgħodu fir-residenza, u rringrazzjahom tal-ħidma li jwettqu ma’ dawk li llum huma dipendenti fuq is-servizzi offruti. Hu qabbel ir-residenza ma’ villaġġ żgħir li fih, bħal kull villaġġ ieħor, tiġi organizzata l-festa u diversi attivitajiet oħra matul is-sena.

It-tfal għaddew in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu mal-anzjani fis-swali differenti, fejn ukoll ippreżentaw tifkira li għamlu huma stess, lil kull sala li żaru. It-tfal ukoll kantaw u żifnu fis-swali wara li għal dawn l-aħħar ġimgħat kienu qed jagħmlu rehearsals waqt SkolaSajf.