‘Iġri għal Qalbek’ hija t-tema ewlenija għall-attivita` ta’ ġiri li se ssir fir-Residenza San Vinċenz de Paul. Din l-attivita` se tinkludi tellieqa ta’ 5kilometri u Fun Run ta’ kilometru u qed tkun organizzata biex tikkommemora l-festa ta’ San Vinċenz u Jum l-Anzjani. Din l-attivita` se ssir nhar is-Sibt 2 ta’ Ottubru 2010.
Ir-Running Group f’San Vinċenz de Paul twaqqaf fi Frar 2002. Dan il-Grupp huwa magħruf bħala l-Kumitat St. Vincent de Paul Running Group. Din hija d-9 edizzjoni tat-Tellieqa tal-5km u l-1km Fun Run. Dan il-Grupp huwa ffurmat mill-ħaddiema ta’ San Vinċenz de Paul.
L-Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita`, l-Onor. Peter Micallef qal li l-għan ta’ dan il-Kumitat huwa li jippromwovi u jħeġġeġ lill-ħaddiema u r-residenti jsegwu stil ta’ ħajja san permezz tal-atletika, li jkunu mħeġġa attivitajiet soċjali u edukattivi fost il-ħaddiema u l-promozzjoni tar-Residenza San Vinċenz permezz tal-isports. Għall-ewwel darba s-Saint Vincent de Paul Running Group se jkollu l-mascot tiegħu, Xoninu. Din il-manifestazzjoni sportiva qed tkun organizzata flimkien mad-Dipartiment tal-Anzjani bil-kollaborazzjoni tal-Kunsilli Lokali ta’ Ħal Luqa, tal-Marsa u ta’ Ħal Qormi u l-Malta Amateur Athletic Association.
L-Onor. Peter Micallef ħeġġeġ il-ħaddiema kif ukoll il-pubbliku in ġenerali biex jattendu kemm it-Tellieqa kif ukoll il-Fun Run. Aktar informazzjoni dwar din l-attivita` tista’ tinkiseb mis-sit www.svpathletics.org.
No comments:
Post a Comment