Ftit aktar minn 200 student minn SkolaSajf illum żaru u ferrħu lill-anzjani fir-Residenza San Vinċenz De Paul waqt attivita` speċjali organizzata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`.
L-Onor. Stephen Spiteri, Assistent Parlamentari fil-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li hekk kif SkolaSajf issa waslet fl-aħħar jumejn tagħha, din kienet okkażjoni sabiħa li matulha t-tfal setgħu jaqsmu l-entużjażmu tagħhom u dak li ħadu waqt SkolaSajf mal-anzjani. Hu semma kif SkolaSajf kienet suċċess mibni fuq is-suċċessi miksuba fis-snin li għaddew u li matulu tingħata ħafna importanza għal attivitajiet extra kurrikulari li jikkontribwixxu mhux ftit għall-bini u l-formazzjoni tal-karattru. Skola Sajf, li din is-sena kellha 3,000 student, serviet ukoll ta’ opportunita` prattika għal madwar 200 student ieħor li qed jieħdu t-taħriġ biex isiru għalliema.
L-Onor. Peter Micallef, Assistent Parlamentari fil-Ministeru għas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita` irringrazzja lit-tfal talli attendew għal dan l-avveniment u fakkarhom li l-anzjani huma n-nanniet tagħna lkoll. Micallef sellem lill-ħaddiema kollha li jaħdmu ma’ aktar minn 1,000 anzjan li joqgħodu fir-residenza, u rringrazzjahom tal-ħidma li jwettqu ma’ dawk li llum huma dipendenti fuq is-servizzi offruti. Hu qabbel ir-residenza ma’ villaġġ żgħir li fih, bħal kull villaġġ ieħor, tiġi organizzata l-festa u diversi attivitajiet oħra matul is-sena.
It-tfal għaddew in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu mal-anzjani fis-swali differenti, fejn ukoll ippreżentaw tifkira li għamlu huma stess, lil kull sala li żaru. It-tfal ukoll kantaw u żifnu fis-swali wara li għal dawn l-aħħar ġimgħat kienu qed jagħmlu rehearsals waqt SkolaSajf.
No comments:
Post a Comment