Merħba

Nilqgħukom fil-Blog tas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`. L-għan ta’ dan il-Blog hu Ii nżommuk aġġornat dwar dak li jkun għaddej fl-oqsma tal-Anzjani u Saħħa Mentali li tagħhom hu responsabbli dan is-Segretarjat.

Showing posts with label prim ministru. Show all posts
Showing posts with label prim ministru. Show all posts

Monday, November 15, 2010

Ftuh Night Shelter - id-Diskors tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi


Il-ftuħ tan-night shelter taż-Żejtun għandu sinifikat qawwi għall-mod kif inħarsu lejn l-anzjani. Wara l-ftuħ ta’ dan in-night shelter hemm messaġġ ċar dwar il-kontribut li nemmnu li l-anzjani jistgħu jibqgħu jagħtu b’mod attiv lis-soċjetà tagħna.


Il-politika tal-Gvern dwar l-anzjani hija ċara: anzjani attivi huma ċentrali għal soċjetà b’saħħitha.

Għalhekk, nemmnu li l-anzjani għandhom jingħataw l-appoġġ kollu meħtieġ biex jgħixu ħajja indipendenti u ta’ kwalità fil-komunità tagħna. Pajjiżna għandu bżonn l-għerf, l-esperjenza u l-valuri tal-anzjani tagħna. Nemmnu li l-anzjani jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom biex l-ekonomija u s-soċjetà tagħna jkomplu jimxu ‘l quddiem.

B’din il-konvinzjoni, qed naħdmu biex noħolqu ambjent li fih persuna anzjana tkun tista’ tkompli tagħti l-kontribut tagħha lil pajjiżna. Dan mingħajr ma jittiefsu bl-ebda mod il-benefiċċji li ħaqqha tieħu wara s-snin twal ta’ servizz li tat lil pajjiżna.

Il-bidla radikali li l-Gvern qed iwettaq fis-settur tal-anzjani huwa ffukat kemm fuq is-servizzi li joffri l-Gvern, kif ukoll fil-mod ta’ kif inħarsu lejn il-valur intrinsiku tal-bniedem.

Spiċċa ż-żmien li l-edukazzjoni u t-taħriġ jitqiesu bħala oqsma limitati għaż-żgħożija. Il-bniedem qatt ma jieqaf jitgħallem. L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom funzjoni qawwija tul il-ħajja kollha tal-bniedem, kemm jekk huwa marbut max-xogħol u l-involviment komunitarju, u anke jekk huwa mmirat lejn l-iżvilupp sħiħ tal-persuna.

Sinjuri, nixtieq naqsam żewġ esperjenzi magħkom.

Aktar kmieni din is-sena, kelli l-opportunità nżur il-korsijiet ta’ filgħaxija organizzati għall-adulti mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Iltqajt ma’ anzjana li ta’ 70 sena ddeċidiet li tibda titgħallem tuża l-kompjuter. Qaltli li tixtieq titgħallem tuża t-teknoloġija biex tifhem dak li jkunu qed jgħidulha n-neputijiet tagħha meta jżuruha.

Anzjan ieħor qalli li meta kien wasal biex jirtira, ħassu li tilef il-valur tiegħu bħala persuna. Iddeċieda jipprova l-Malti biex ikollu ċertifikat edukattiv għax ma kellux dik l-opportunità meta kien żagħżugħ. Kiseb dak iċ-ċertifikat, u din is-sena reġa’ applika għal kors ieħor, din id-darba fl-Ingliż.

Dawn l-istejjer huma xhieda tal-bidla li qed inġibu f’pajjiżna li trid timxi id f’id mal-inizjattivi u servizzi ġodda li qed noffru lill-anzjani.

Din is-sena, minn 14,000 persuna, 1,057 anzjan u anzjana qed jipparteċipaw f’korsijiet offruti mid-Direttorat tat-Tagħlim Tul il-Ħajja. 95 minn dawn l-anzjani qed jistudjaw suġġetti relatati mal-IT bħal dik in-nanna li trid tikkomunika aħjar man-neputijiet tagħha.

Fi ftit jiem oħra, 19-il persuna ta’ aktar minn 60 sena se jiggradwaw mill-Università ta’ Malta, u bħalissa 58 anzjan u anzjana qegħdin jistudjaw fl-Università, l-aktar fl-oqsma tat-Teoloġija u tal-Arti. Pajjiżna qed jinbidel. Qed ibiddluh ukoll l-anzjani b’dak li jagħmlu.

L-esperjenza tal-anzjani hi importanti wkoll għall-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna. Illum l-anzjani jistgħu jaħdmu u jieħdu paga sħiħa wara l-età tal-irtirar u jieħdu paga u pensjoni sħiħa fl-istess ħin.

Il-bżonn li nħeġġu lill-anzjani biex jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol hija aktar importanti meta nħarsu lejn l-istatistika u dak li mistenni jiġri fis-snin li ġejjin. Fl-2015, pajjiżna mistenni jkollu popolazzjoni ta’ ftit inqas minn 105,000 anzjan li għandhom aktar minn 60 sena. Dan għandu jiżdied għal aktar minn 150,000 sal-2050. Il-popolazzjoni Maltija qegħda tixjieħ; għalhekk irridu nħejju l-istrutturi kollha meħtieġa minn issa biex nilqgħu għal dan it-tibdil.

In-night shelter taż-Żejtun hija ħolqa importanti fil-katina ta’ inizjattivi li qed nieħdu biex aktar anzjani jibqgħu attivi. Permezz tan-night shelter, l-anzjani jistgħu jibqgħu jgħixu ħajja indipendenti tul il-ġurnata, u jgħixu fil-kumpanija ta’ oħrajn matul il-lejl.

Sal-lum, anzjani li ma setgħux jgħixu waħedhom matul il-lejl, ma kellhomx għażla ħlief li jidħlu f’dar tal-anzjani. Il-proġett pilota li nedejna flimkien mas-Sorijiet tal-Kunvent ta’ Ġesù Nazzarenu juri li l-anzjani jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità tagħna jekk jingħataw il-ftit għajnuna li jinħtieġu filgħaxija. Hu pjanat li tul is-sena d-dieħla niftħu night shelter ieħor fil-Mellieħa.

Il-ħsieb ewlieni tan-night shelter huwa l-istess bħal tad-day centres u s-servizzi kollha li l-Gvern jagħti lill-anzjani: is-solidarjetà u li nibnu soċjetà b’saħħitha. Fin-night shelters l-anzjani jsibu s-serħan il-moħħ li jeħtieġu mill-kumpanija ta’ oħrajn. Fid-day centres l-anzjani jiltaqgħu ma’ ħaddieħor u b’hekk jibqgħu attivi u motivati.

Din is-sena ftaħna day centre fil-Mellieħa b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali biex illum għandna 17-il day centre għall-anzjani madwar Malta kollha. 1,400 anzjan jipprattikaw il-ħiliet u l-passatempi tagħhom fid-day centres. Iċ-ċentri joffru wkoll servizzi ta’ fiżjoterapija, podoloġija, occupational therapy u programmi ta’ mixi.

Dan huwa eżempju ċar tal-mod kif permezz tas-solidarjetà l-anzjani fostna jibqgħu b’saħħithom kemm fiżikament kif ukoll fuq livell soċjali u emottiv.

Il-Gvern qed isaħħaħ is-servizzi għall-anzjani, fosthom il-Meals on Wheels, it-Telecare, il-HomeHelp, il-Handyman u l-Commcare. Dawn is-servizzi kollha qed iwasslu lil aktar anzjani biex jibqgħu jgħixu ħajja indipendenti fis-soċjetà tagħna.

Il-valur ta’ dawn is-servizzi mhuwiex limitat għall-persuni li jgawdu minnhom biss. Kull anzjan li jibqa’ attiv jista’ jibqa’ jagħti kontribuzzjoni lill-komunità tiegħu u jkun viċin il-familja tiegħu.

Huwa għalhekk ta’ sodisfazzjon li aktar anzjani qed jagħmlu użu minn dawn is-servizzi.

Sinjuri,

Bil-ftuħ tan-night shelter fiż-Żejtun, qed nuru l-impenn tal-Gvern biex l-anzjani jibqgħu fiċ-ċentru tas-soċjetà tagħna. Flok bnejna binja u offrejniha lill-anzjani filgħaxija, ingħaqadna mas-Sorijiet tal-Kunvent ta’ Ġesù Nazzarenu, li huma parti integrali mill-komunità taż-Żejtun. Ta’ dan nirringrazzjahom. Fil-Mellieħa se nżewġu l-aspett komunitarju billi ninvolvu lill-Kunsill Lokali.

Irrid fl-aħħarnett nirringrazzja u nsellem lill-anzjani kollha għal dak kollu li tawna u dak li qed jagħtu lil pajjiżna. Il-poplu tagħna grat lejkom.

Jinfetah l-ewwel centru ta' matul il-lejl ghall-anzjani f'pajjizna


Informazzjoni dwar l-Ewwel Ċentru ta’ Matul il-Lejl għall-Anzjani f’pajjiżna


Il-Prim Ministru, l-Onor Lawrence Gonzi, dalgħodu fetaħ uffiċjalment l-ewwel ċentru ta’ matul il-lejl għall-anzjani f’pajjiżna. Waqt il-programm tal-ftuħ Il-Prim Ministru u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita spjegaw il-ħsieb wara dan iċ-ċentru u ltaqgħu wkoll mal-ewwel anzjani li qegħdin jużaw dan is-servizz ġdid.

Dan iċ-ċentru jinsab fil-kunvent tas-sorijiet ta’ Ġesu Nazzarenu fiż-Żejtun, fejn sala kbira ġiet mibdula f’ċentru ta matul il-lejl (night shelter ) għall-Anzjani. F’dan iċ-ċentru l-anzjani se jkunu jistgħu jgħaddu l-lejl b’rashom mistrieħa.

Punti dwar iċ-ċentru:

- Dan huwa proġett pilota li permezz tiegħu l-anzjani se jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunita’ tagħhom mingħajr il-bżonn li jmorru joqogħdu ġo dar tal-anzjani. Huma bosta dawk l-anzjani li jagħżlu li jmorru f’home minħabba li ma jridux iqattgħu il-lejl waħidhom u allura ċ-ċentru jaf ikun soluzzjoni ideali

- Matul il-lejl ikun hemm care worker stand by

- F’kull kamra hemm buzzer biex tissejjaħ l-għajnuna tal- care worker f’każ ta’ bżonn

- Dan il-proġett qiegħed isir b’kollaborazzjoni mal-Kurja

- Bħalissa hemm 7 anzjani li ilhom jorqdu f’dan iċ-ċentru sa minn Awwissu


Iċ-ċentru jikkonsisti minn:

- 8 soddod
- Kċina
- Sitting u living area
- Kamra tal-banju
- Toilet
- Store / box room
- Lift (naturalment aċċessibbli għall-wheelchair)

Dan kien proġett piolta li ntlaqa’ tajjeb, tant li diġa’ bdew tħejjijiet għat-tieni ċentru simili li ser isir fil-Mellieħa.