Merħba
Nilqgħukom fil-Blog tas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`. L-għan ta’ dan il-Blog hu Ii nżommuk aġġornat dwar dak li jkun għaddej fl-oqsma tal-Anzjani u Saħħa Mentali li tagħhom hu responsabbli dan is-Segretarjat.
Monday, November 15, 2010
Ftuh Night Shelter - id-Diskors tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi
Il-ftuħ tan-night shelter taż-Żejtun għandu sinifikat qawwi għall-mod kif inħarsu lejn l-anzjani. Wara l-ftuħ ta’ dan in-night shelter hemm messaġġ ċar dwar il-kontribut li nemmnu li l-anzjani jistgħu jibqgħu jagħtu b’mod attiv lis-soċjetà tagħna.
Il-politika tal-Gvern dwar l-anzjani hija ċara: anzjani attivi huma ċentrali għal soċjetà b’saħħitha.
Għalhekk, nemmnu li l-anzjani għandhom jingħataw l-appoġġ kollu meħtieġ biex jgħixu ħajja indipendenti u ta’ kwalità fil-komunità tagħna. Pajjiżna għandu bżonn l-għerf, l-esperjenza u l-valuri tal-anzjani tagħna. Nemmnu li l-anzjani jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom biex l-ekonomija u s-soċjetà tagħna jkomplu jimxu ‘l quddiem.
B’din il-konvinzjoni, qed naħdmu biex noħolqu ambjent li fih persuna anzjana tkun tista’ tkompli tagħti l-kontribut tagħha lil pajjiżna. Dan mingħajr ma jittiefsu bl-ebda mod il-benefiċċji li ħaqqha tieħu wara s-snin twal ta’ servizz li tat lil pajjiżna.
Il-bidla radikali li l-Gvern qed iwettaq fis-settur tal-anzjani huwa ffukat kemm fuq is-servizzi li joffri l-Gvern, kif ukoll fil-mod ta’ kif inħarsu lejn il-valur intrinsiku tal-bniedem.
Spiċċa ż-żmien li l-edukazzjoni u t-taħriġ jitqiesu bħala oqsma limitati għaż-żgħożija. Il-bniedem qatt ma jieqaf jitgħallem. L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom funzjoni qawwija tul il-ħajja kollha tal-bniedem, kemm jekk huwa marbut max-xogħol u l-involviment komunitarju, u anke jekk huwa mmirat lejn l-iżvilupp sħiħ tal-persuna.
Sinjuri, nixtieq naqsam żewġ esperjenzi magħkom.
Aktar kmieni din is-sena, kelli l-opportunità nżur il-korsijiet ta’ filgħaxija organizzati għall-adulti mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Iltqajt ma’ anzjana li ta’ 70 sena ddeċidiet li tibda titgħallem tuża l-kompjuter. Qaltli li tixtieq titgħallem tuża t-teknoloġija biex tifhem dak li jkunu qed jgħidulha n-neputijiet tagħha meta jżuruha.
Anzjan ieħor qalli li meta kien wasal biex jirtira, ħassu li tilef il-valur tiegħu bħala persuna. Iddeċieda jipprova l-Malti biex ikollu ċertifikat edukattiv għax ma kellux dik l-opportunità meta kien żagħżugħ. Kiseb dak iċ-ċertifikat, u din is-sena reġa’ applika għal kors ieħor, din id-darba fl-Ingliż.
Dawn l-istejjer huma xhieda tal-bidla li qed inġibu f’pajjiżna li trid timxi id f’id mal-inizjattivi u servizzi ġodda li qed noffru lill-anzjani.
Din is-sena, minn 14,000 persuna, 1,057 anzjan u anzjana qed jipparteċipaw f’korsijiet offruti mid-Direttorat tat-Tagħlim Tul il-Ħajja. 95 minn dawn l-anzjani qed jistudjaw suġġetti relatati mal-IT bħal dik in-nanna li trid tikkomunika aħjar man-neputijiet tagħha.
Fi ftit jiem oħra, 19-il persuna ta’ aktar minn 60 sena se jiggradwaw mill-Università ta’ Malta, u bħalissa 58 anzjan u anzjana qegħdin jistudjaw fl-Università, l-aktar fl-oqsma tat-Teoloġija u tal-Arti. Pajjiżna qed jinbidel. Qed ibiddluh ukoll l-anzjani b’dak li jagħmlu.
L-esperjenza tal-anzjani hi importanti wkoll għall-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna. Illum l-anzjani jistgħu jaħdmu u jieħdu paga sħiħa wara l-età tal-irtirar u jieħdu paga u pensjoni sħiħa fl-istess ħin.
Il-bżonn li nħeġġu lill-anzjani biex jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol hija aktar importanti meta nħarsu lejn l-istatistika u dak li mistenni jiġri fis-snin li ġejjin. Fl-2015, pajjiżna mistenni jkollu popolazzjoni ta’ ftit inqas minn 105,000 anzjan li għandhom aktar minn 60 sena. Dan għandu jiżdied għal aktar minn 150,000 sal-2050. Il-popolazzjoni Maltija qegħda tixjieħ; għalhekk irridu nħejju l-istrutturi kollha meħtieġa minn issa biex nilqgħu għal dan it-tibdil.
In-night shelter taż-Żejtun hija ħolqa importanti fil-katina ta’ inizjattivi li qed nieħdu biex aktar anzjani jibqgħu attivi. Permezz tan-night shelter, l-anzjani jistgħu jibqgħu jgħixu ħajja indipendenti tul il-ġurnata, u jgħixu fil-kumpanija ta’ oħrajn matul il-lejl.
Sal-lum, anzjani li ma setgħux jgħixu waħedhom matul il-lejl, ma kellhomx għażla ħlief li jidħlu f’dar tal-anzjani. Il-proġett pilota li nedejna flimkien mas-Sorijiet tal-Kunvent ta’ Ġesù Nazzarenu juri li l-anzjani jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità tagħna jekk jingħataw il-ftit għajnuna li jinħtieġu filgħaxija. Hu pjanat li tul is-sena d-dieħla niftħu night shelter ieħor fil-Mellieħa.
Il-ħsieb ewlieni tan-night shelter huwa l-istess bħal tad-day centres u s-servizzi kollha li l-Gvern jagħti lill-anzjani: is-solidarjetà u li nibnu soċjetà b’saħħitha. Fin-night shelters l-anzjani jsibu s-serħan il-moħħ li jeħtieġu mill-kumpanija ta’ oħrajn. Fid-day centres l-anzjani jiltaqgħu ma’ ħaddieħor u b’hekk jibqgħu attivi u motivati.
Din is-sena ftaħna day centre fil-Mellieħa b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali biex illum għandna 17-il day centre għall-anzjani madwar Malta kollha. 1,400 anzjan jipprattikaw il-ħiliet u l-passatempi tagħhom fid-day centres. Iċ-ċentri joffru wkoll servizzi ta’ fiżjoterapija, podoloġija, occupational therapy u programmi ta’ mixi.
Dan huwa eżempju ċar tal-mod kif permezz tas-solidarjetà l-anzjani fostna jibqgħu b’saħħithom kemm fiżikament kif ukoll fuq livell soċjali u emottiv.
Il-Gvern qed isaħħaħ is-servizzi għall-anzjani, fosthom il-Meals on Wheels, it-Telecare, il-HomeHelp, il-Handyman u l-Commcare. Dawn is-servizzi kollha qed iwasslu lil aktar anzjani biex jibqgħu jgħixu ħajja indipendenti fis-soċjetà tagħna.
Il-valur ta’ dawn is-servizzi mhuwiex limitat għall-persuni li jgawdu minnhom biss. Kull anzjan li jibqa’ attiv jista’ jibqa’ jagħti kontribuzzjoni lill-komunità tiegħu u jkun viċin il-familja tiegħu.
Huwa għalhekk ta’ sodisfazzjon li aktar anzjani qed jagħmlu użu minn dawn is-servizzi.
Sinjuri,
Bil-ftuħ tan-night shelter fiż-Żejtun, qed nuru l-impenn tal-Gvern biex l-anzjani jibqgħu fiċ-ċentru tas-soċjetà tagħna. Flok bnejna binja u offrejniha lill-anzjani filgħaxija, ingħaqadna mas-Sorijiet tal-Kunvent ta’ Ġesù Nazzarenu, li huma parti integrali mill-komunità taż-Żejtun. Ta’ dan nirringrazzjahom. Fil-Mellieħa se nżewġu l-aspett komunitarju billi ninvolvu lill-Kunsill Lokali.
Irrid fl-aħħarnett nirringrazzja u nsellem lill-anzjani kollha għal dak kollu li tawna u dak li qed jagħtu lil pajjiżna. Il-poplu tagħna grat lejkom.
Labels:
lawrence gonzi,
night shelter,
prim ministru,
segretarjat
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment