Merħba

Nilqgħukom fil-Blog tas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`. L-għan ta’ dan il-Blog hu Ii nżommuk aġġornat dwar dak li jkun għaddej fl-oqsma tal-Anzjani u Saħħa Mentali li tagħhom hu responsabbli dan is-Segretarjat.

Friday, November 19, 2010

INAWGURATA KAMRA TA’ RILASSAMENT FL-ISPTAR MONTE KARMELI

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Mario Galea, inawgura kamra ta’ rilassament fis-sala tan-nisa numru wieħed fl-Isptar Monte Karmeli. Dan kien ir-riżultat ta’ riċerka li saret minn tim multidixxiplinarju bl-iskop li jkompli jiġi mtejjeb is-servizz offrut.

F’diskors tal-okkażjoni, l-Onor. Galea qal li din is-sala hija dik li tissejjaħ Nurse Development Unit, l-unika waħda tax-xorta tagħha fil-qasam tas-saħħa mentali. Fost oħrajn, dan jinvolvi li l-infermiera jevalwaw il-livell ta’ sodisfazzjon tal-pazjenti tagħhom, liema evalwazzjoni tagħti informazzjoni dwar il-mod li biħ il-pazjenti jħarsu lejn il-kura mogħtija u wkoll kif din taffettwa l-istil ta’ ħajja tagħhom.

Wara evalwazzjoni simili ġie stabbilit li jista’ jsir użu aħjar mill-ħin liberu li jkollhom il-pazjenti u b’dan f’moħħom inbeda x-xogħol biex issir il-kamra ta’ rilassament. L-Onor. Galea spjega li minkejja li l-kelma rilassament normalment tintuża mingħajr ħafna ħsieb, fil-fatt din iġġib magħha ħafna impenn. Fil-fatt din hija sengħa li trid tiġi mgħallma, u permezz tat-tagħmir preżenti fil-kamra inawgurata, il-pazjenti jkunu jistgħu inaqqsu t-tensjoni u jserrħu l-moħħ. Dan imbgħad jirrifletti fil-pożittiv fuq il-proċess ta “recovery” li fuqu hija bbażata il-kura psikjatrika.

Fis-sala msemmija jingħataw kura 139 pazjent (mhux kollha residenti) ta’ etajiet differenti li jibdew minn adolexxenti sa anzjani.

L-Onor. Galea rringrazzja lill-membri tal-istaff tad-dedikazzjoni u d-determinazzjoni tagħhom li jissarfu f’kura ta’ livell għoli lill-pazjenti. Hu rringrazzja wkoll lill Vodafone Malta Foundation li ħarġet il-fondi neċessarji għal dan il-proġett.

Is-Sinjura Ġemma Mifsud Bonnici, Chairperson tal-istess fondazzjoni sellmet lill-ħaddiema tas-sala kif ukoll lill-pazjenti. Hi qalet li kien ta’ pjaċir għall-fondazzjoni li tkun ta’ għajnuna b’dan il-mod.

Fi tmiem l-attività ġew preżentati ċertifikati lill-infermiera li jaħdmu fis-sala wara li f’dawn l-aħħar ġimgħat attendew taħriġ dwar it-terapija tal-komunikazzjoni.

No comments:

Post a Comment