Merħba

Nilqgħukom fil-Blog tas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`. L-għan ta’ dan il-Blog hu Ii nżommuk aġġornat dwar dak li jkun għaddej fl-oqsma tal-Anzjani u Saħħa Mentali li tagħhom hu responsabbli dan is-Segretarjat.

Tuesday, November 30, 2010

IMNIEDI L-MASCOT IL-ĠDID TAL-ISPTAR MONTE KARMELI


“Zafferina” impinġi minn Lucia Calleja ġie magħżul bħala l-mascot il-ġdid tal-Isptar Monte Karmeli. Din l-għażla ġiet imħabbra llum waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie spjegat li l-kompetizzjoni kienet miftuħa għall-istudenti kollha tal-iskejjel differenti.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Mario Galea qal li dan kien pass ieħor li permezz tiegħu ħeġġiġna s-soċjetà titkellem dwar is-saħħa mentali. Fil-fatt, il-parteċipanti riedu li l-ewwel jifhmu l-ħidma li ssir fl-isptar biex ikunu jistgħu joħolqu mascot li jirrelata.

L-Onor. Galea rringrazzja lill-istudenti li wrew interess u li pparteċipaw. Hu qal li issa l-mascot se jsir f’forma diġitali sabiex ikun jista’ jintuża fil-publikazzjonijiet varji tal-isptar. Se jsir ukoll kostum tal-mascot sabiex ikun jista’ jiġi użat fl-iskejjel u attivitajiet oħra waqt kampanji edukattivi.

Qiegħed jiġi mħejji wkoll dokumentarju qasir li se jintuża bħala għodda sabiex titwassal informazzjoni dwar is-saħħa mentali u l-ħidma tal-Isptar Monte Karmeli.

L-istudenti kollha li pparteċipaw ġew ippreżentati b’ċertifikat ta’ tifkira mis-Sur David Galea, Chairman tal-Bord tad-Diretturi flimkien mas-Sur Edward Borg, CEO tal-Isptar Monte Karmeli.

Is-Sinjorina Calleja ġiet ippreżentata b’laptop minn rappreżentant tal-Bank Of Valletta.

Il-bord tal-għażla kien immexxi minn Trevor Zahra.

No comments:

Post a Comment