Merħba

Nilqgħukom fil-Blog tas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`. L-għan ta’ dan il-Blog hu Ii nżommuk aġġornat dwar dak li jkun għaddej fl-oqsma tal-Anzjani u Saħħa Mentali li tagħhom hu responsabbli dan is-Segretarjat.

Monday, November 15, 2010

Ftuh Night Shelter - diskors tas-Segretarju Parlamentari Mario Galea


Jgħidu “li l-ħolm tal-bieraħ huwa l-aġenda politika tal-lum”.


U hekk hu. Snin ilu kien hawn il-ħolma li xi darba f’dan il-Kunvent kbir tas-Sorijiet ta’ Ġesù Nazzarenu għandu jsir night shelter għall-anzjani. Anzjani li għadhom indipendenti, imma minħabba ċirkostanzi differenti spiċċaw li matul il-lejl jorqdu waħedhom. Eżatt wara li ngħatajt il-kariga mill-Onor Prim Ministru ta’ Segretarju Parlamentari, bdejt kuntatt mal-Kurja u mas-Sorijiet ta’ Ġesù Nazzarenu biex il-ħolma tan-night shelter insarrfuha f’realtà. Irrid nibda biex nirringrazzja kemm lil dawn is-sisters, kif ukoll lill-Kurja, b’mod speċjali lil Mons Victor Grech u Mons McKeon għall-koperazzjoni u l-ħeġġa li sibt mingħandhom. Wara numru ta’ laqgħat, beda x-xogħol. Kellu jsir lift ġdid għall-anzjani li jkun aċċessibbli għall-wheelchair.

Saru kitchenette, television u living room, żewġ bathrooms u store. Bnejna wkoll tmint ikmamar għal tmin anzjani. Kull kamra ġiet mgħammra b’sodda u l-għamara kollha meħtieġa biex kull anzjana tkun tista’ tħalli xi affarijiet personali, inkluż ħwejjeġ fil-kamra tagħha. Kull kamra ġiet mgħammra wkoll b’nurse call. Dan hu l-ewwel night shelter li qatt sar f’pajjiżna u nista’ ngħid li diġà huwa suċċess. Diġà għandna seba’ sodod mimlija bl-anzjani.

Kif tafu għandna diversi servizzi oħra mmirati għall-anzjani fil-komunità. Imma dejjem konna nkwetati fuq anzjani li jispiċċaw jagħmlu talba biex jidħlu f’residenza u dan għal raġuni waħda – dik li jiddejqu jorqdu waħedhom bil-lejl għax is-solitudni kerha wisq. Il-politika tal-Gvern preżenti hi li jimpurtana minn kulħadd imma l-aktar minn dawk l-aktar vulnerabbli bħalma huma l-anzjani.

Naħseb l-akbar wirt li ħallewlna missirijietna u li dejjem iddistingwewna bħala poplu, hu t-twemmin tagħna u l-valuri li baqgħu jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra, b’valuri li fost oħrajn jinkludu illi aħna bħala poplu jimpurtana minn xulxin. Ta’ bilħaqq we are a caring society.

Dawn l-anzjani li qed jagħmlu użu minn dan in-night shelter qed nagħtuhom aktar indipendenza għax matul il-ġurnata għandhom is-sodisfazzjon li jagħmlu l-qadi tagħhom u jqattgħu l-ġurnata kif jixtiequ huma. Fuq kollox, iqattgħu l-ġurnata fl-ambjent li trabbew fih viċin il-familja u l-ġirien li jafu. Imbagħad meta jibda jidlam jiġu hawn u jgħaddu l-lejl b’moħħhom mistrieħ.

Għax dawn huma sorijiet li nafuhom u li jafuna. Huma parti integrali u importanti mill-komunità taż-Żejtun. Dawn is-sorijiet minn dejjem kellhom missjoni soċjali. Ta’ min jgħid li wara l-gwerra kellhom mijiet ta’ tfal żgħar, li ħafna minnhom sfaw orfni fil-gwerra u li spiċċaw irabbuhom dawn is-sorijiet. Interessanti l-fatt li wħud minn dawn it-tfal li spiċċaw bla familja kibru u baqgħu jgħixu hawn f’dan il-Kunvent u llum huma stess saru anzjani. Dan il-Kunvent kien u għadu darhom.

Barra minn din il-missjoni soċjali, dawn is-sorijiet huma magħrufa wkoll għall-presepju kbir mekkanizzat li kien inħadem mill-Isqof Galea u mill-Inġinier Salvu Pavia li llum hu resident f’San Vinċenz. Filwaqt li l-ħwejjeġ tal-pasturi kienu nħietu mill-istess sorijiet. Dan il-presepju hu ferm popolari u kull sena jżuruh għadd ta’ turisti. Aħna ż-Żwieten nafu wkoll li dawn is-sorijiet huma fost il-waħdiet li fadal li għadhom jaħdmu l-ostji li mbagħad jinbiegħu lill-knejjes.

Irrid l-ewwel u qabel kollox nawgura minn qalbi lill-anzjani kollha li qed jagħmlu użu minn dan in-night shelter. J’Alla hawn isibu l-mistrieħ u s-serħan tal-moħħ tul l-iljieli.

Lil dawn is-sorijiet minn qalbi rrid nerġa’ nirringrazzjahom għall-missjoni soċjali li dejjem kellhom. Għall-valuri li dejjem xerrdu fir-raħal tagħna u għal kemm nies li kienu għaddejin minn żmien diffiċli hawn ġew ġo dan il-Kunvent sabu s-sabar u t-talb li kellhom bżonn.

Irrid nagħlaq billi lil dawn is-sisters niddedikalhom kwotazzjoni mill-isbaħ ta’ Madre Teresa li nemmen li tgħodd ħafna u ħafna għalihom. Madre Teresa kienet qalet hekk “Intom lapes f’idejn Alla li permezz tax-xogħol tagħkom qiegħed jikteb ittra ta’ mħabba lid-dinja”.

Minn qalbi grazzi ħafna.

No comments:

Post a Comment