Merħba

Nilqgħukom fil-Blog tas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`. L-għan ta’ dan il-Blog hu Ii nżommuk aġġornat dwar dak li jkun għaddej fl-oqsma tal-Anzjani u Saħħa Mentali li tagħhom hu responsabbli dan is-Segretarjat.

Sunday, August 1, 2010

JINFETAĦ IL-MULTI-SENSORY ROOM FIL-YOUNG PEOPLE'S UNIT


Hawnhekk ninsabu f’parti sensittiva ħafna tal-Isptar Monte Karmeli – il-Young Peoples Unit (YPU). Sensittiv minħabba li l-persuni li jirċievu l-kura hawnekk huma persuni żgħar fl-età, ilkoll b’futur quddiemhom li jiddependi ħafna mill-kura li jirċievu. Fil-YPU tim multidixxiplinarju li jikkonsisti minn konsulenti, psikjatri, tobba, infermiera, occupational therapist, social workers u għalliema, jikkuraw adoloxxenti sa l-età ta’ 16-il sena.

Fil-post hawn 8 sodod, u l-post kif tistgħu taraw huwa mqassam bħalma tkun imqassma dar. Hawn ukoll klassi żgħira b’teacher full-time u Learning Support Assistant full-time ukoll, kamra għall-occupational therapy, ġnien, u post fejn iż-żgħażagħ jieħu ħsieb l-annimali.

Iż-żgħażagħ jiġu riferuti l-YPU minħabba kundizzjonijiet li jirrikjedu kura partikolari li tista’ tingħata f’ambjent kontrollat. Kontrollat hawnhekk tfisser ambjent li fih iż-żagħżugħ jew żagħżugħa jkun aktar protett mill-periklu.

L-iskop tal-Young Peoples Unit huwa dak li permezz tal-kura u tat-terapija, u anke permezz ta’ tagħlim, iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jmorru jgħixu lura fil-komunità kemm jista’ jkun malajr.

Il-Multi Sensory Room li issa tifforma parti mill-YPU għandha l-iskop li tikkalma l-persuna imma wkoll li tistimula s-sensi. Kultant waqt li tkun qed tingħata l-kura, iż-żgħażagħ jaġitaw irwieħhom u l-professjonisti li jaħdmu hawn ikollhom jużaw dak li bl-ingliż jissejjaħ Time Out, sakemm il-persuna tikkalma.

Permezz tal-Multi Sensory Room issa nistgħu nkunu aktar proattivi fil-kura tagħna u minflok li l-persuna titneħħa minn mal-kumplament taż-żgħażagħ, ikun possibbli li l-persuna tinġieb fil-kamra ħalli tirrilassa filwaqt li fl-istess ħin jiġu stimulati sensi oħra.

L-art u l-ħitan tal-Multi Sensory Room huma kkuluriti bojod u beige, is-saqaf huwa lewn is-sħab u b’dawk li jissejħu star lights. Id-dawl fil-kamra jista’ jitbaxxa u jogħla skont kif ikun mixtieq filwaqt li permezz ta’ projector jista jinħoloq xenarju rilassanti. Hawn ukoll water bubble column u mużika rilassanti fil-background.

Dan kollu, kif wieħed jista’ jimmaġina, joħloq ambjent rilassanti. Fil-fatt iż-żgħażagħ diġà bdew jużaw il-kamra u jien infurmat li din it-tip ta’ terapija diġà qed tħalli l-frott.

Dan huwa pass ieħor importanti mhux għall-isptar biss imma b’mod speċjali għal dawn iż-żgħażagħ.

Nagħlaq billi nirringrazzja lill-isponsors li huma:

• Daniel Delicata Memorial Association
• Northway Brokers Ltd & Northway Brokers employees
• Friends of Mt Carmel Hospital Society
• HSBC Cares for Children Fund

No comments:

Post a Comment