Merħba
Nilqgħukom fil-Blog tas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`. L-għan ta’ dan il-Blog hu Ii nżommuk aġġornat dwar dak li jkun għaddej fl-oqsma tal-Anzjani u Saħħa Mentali li tagħhom hu responsabbli dan is-Segretarjat.
Sunday, August 1, 2010
ĠLIEDA KONTRA L-FAQAR U L-ESKLUŻJONI SOĊJALI
“L-anzjani huma l-pilastru prinċipali tas-soċjeta`.” Hekk stqarr is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`, l-Onor. Mario Galea waqt id-diskors tal-għeluq meta kien qed jieħu sehem fil-konferenza organizzata bħala parti mill-attivitajiet għas-Sena 2010 fil-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali.
Is-Segretarju Parlamentari tenna li f’pajjiżna r-rata tat-twelid qiegħda tonqos. In-nies qed jgħixu aktar u dan ifisser li n-numru ta’ anzjani fis-soċjetà qiegħed dejjem jikber. L-Onor. Galea żied jgħid li min-naħa l-oħra r-rata ta’ mortalità fir-Residenza ta’San Vinċenz qed dejjem tonqos.
L-Onor. Galea semma li tul is-sena li għaddiet tlesta l-proġett tal-Blokka Ġwanni Pawlu II., binja qadima li ġiet trasformata f’waħda moderna u attrezzata biex tilqa’ fiha 144 resident. Għall-ewwel darba hemm żewġ swali mibnija u attrezzati (48 sodda) apposta għall-persuni li jbatu bid-dimensja. Dan huwa investiment ta’ 9 miljun ewro.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq li f’Malta nistmaw li hawn 4,500 persuna li għandhom id-dimensja. Il-projections għas-sena 2025 juru li n-numru ta’ nies li jbatu bid-dimensja kważi se jirdoppja u jitla’ għal 6,345. F’dan il-qasam saru ħafna inizjattivi fosthom:
Sar taħrig lill-ħaddiema fid-djar tal-anzjani tal-Gvern dwar il-kura tad-dimensja.
Ġie ppubblikat ktieb, miktub minn Trevor Zahra, bl-iskop li jgħin lit-tfal jifhmu aktar x’inhi l-kundizzjoni tad-dimensja.
Flimkien mal-Malta Dementia Society twaqqaf helpline (22081826) biex jagħti appoġġ lil min qed jieħu ħsieb persuni bid-dimensja.
Twaqqaf Kumitat magħmul minn professjonisti bl-iskop li jħejji Strateġija Nazzjonali dwar id-Dimensja.
Infetħu l-ewwel żewġt iswali għall-persuni li għandhom id-dimensja ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul.
Minħabba l-bidliet fis-soċjetà, hemm bżonn li nżidu l-promozzjoni dwar il-kunċett li jissejjaħ “healthy aging”. L-Onor. Galea tenna li fil-prattika dan ifisser li noħolqu opportuntajiet biex l-anzjani jkollhom parti attiva fi ħdan is-soċjetà, filwaqt li jgħixu kwalità ta’ ħajja tajba u jibqgħu indipendenti kemm jista’ jkun. “Irridu nħarsu lejn anzjani attivi, bħall-anzjani li qed jkollhom l-opportunita jitgħallmu l-kompjuter fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum”.
Is-Segretarju Parlamentari Mario Galea temm jgħid li lejn l-anzjani għandna dejn kbir u ghalhekk huma ħaqqhom kull rispett.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment