Illum bdiet it-tfittxija għall-anzjan tas-sena 2010. Waqt it-tnedija tal-Premju Anzjan tas-Sena s- Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`, l-Onor Mario Galea, qal li fi ħdan is-soċjeta` tagħna hawn eluf ta’ anzjani li huma msemmija għall-ħidma siewja li wettqu u għadhom qed iwettqu f’diversi lokalitajiet.
L-Onor Galea stieden lill-pubbliku in ġenerali, lill-Kunsilli Lokali u lill-għaqdiet differenti biex jinnominaw lill xi anzjan / anzjana għal dan il-premju presitiġjuż li ta’ kull sena jgħinna napprezzaw aħjar il-ħidma li l-anzjani jwettqu fis-skiet.
Illum f’Malta hawn ‘il fuq minn 95,000 persuna li għandhom aktar minn 60 sena u minn dawn huma ħafna dawk li jiddeċiedu li jibqgħu attivi b’xi mod, bħal fis-settur tal-volontarjat jew anke permezz tax-xogħol.
Is-Segretarju Parlamentari semma l-bidla fil-mod li bih inħarsu lejn l-anzjani. Din id-differenza tidher ukoll fid-diversi attivitajiet u opportunitajiet li jinħolqu għall-anzjani, bħal sports days għall-anzjani, tagħlim tal-kompjuter u saħansitra fitness room f’day centre għall-anzjani.
“Kull anzjan għandu l-istorja tiegħu. L-aqwa li l-lezzjoni tal-ħajja teħodha mill-esperjenza tal-ħajja. Kull anzjan ta konribut lil pajjiżna biex ix-xogħol tiegħu ħalla l-marka tiegħu fuq pajjiżna. Kull soċjeta` għandha l-valuri tagħha, u dawn ġejjin minn missirijietna. Kull ħaġa li għandna madwarna hija frott il-ħidma tal-anzjani tal-lum.
Għalhekk, il-Premju Anzjan tas-Sena għandu jservi ta’ ringrazzjament ġenerali”, temm jgħid l-Onor Galea.
In-nominazzjonijiet jibqgħu jintlaqgħu sat-13 ta’ Settembru 2010 fejn imbagħad il-bord tal-għażla jeżamina kull nominazzjoni sakemm finalment jintagħżel ir-rebbieħ. Is-Serata finali se ssir taħt ilpatronċinju tal- E.T. il-President ta’ Malta, fil-Palazz tal-President il-Belt Valletta nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Ottubru 2010.
Il-formoli tan-nominazzjonijiet jistgħu jinkisbu mid-Dipartiment tal-Anzjani u Kura fil-Komunita`, Ċentru Ħidma Soċjali Triq il-Kbira, San Ġużepp (tel. 2279 9440) u mid-Dipartiment għall-Anzjani, Pjazza San Franġisk, Rabat Għawdex (tel. 21565248).
- Formola Ghan Nominazzjon Anzjan tas-Sena 2010
No comments:
Post a Comment