Merħba

Nilqgħukom fil-Blog tas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`. L-għan ta’ dan il-Blog hu Ii nżommuk aġġornat dwar dak li jkun għaddej fl-oqsma tal-Anzjani u Saħħa Mentali li tagħhom hu responsabbli dan is-Segretarjat.

Tuesday, November 30, 2010

IMNIEDI L-MASCOT IL-ĠDID TAL-ISPTAR MONTE KARMELI


“Zafferina” impinġi minn Lucia Calleja ġie magħżul bħala l-mascot il-ġdid tal-Isptar Monte Karmeli. Din l-għażla ġiet imħabbra llum waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie spjegat li l-kompetizzjoni kienet miftuħa għall-istudenti kollha tal-iskejjel differenti.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Mario Galea qal li dan kien pass ieħor li permezz tiegħu ħeġġiġna s-soċjetà titkellem dwar is-saħħa mentali. Fil-fatt, il-parteċipanti riedu li l-ewwel jifhmu l-ħidma li ssir fl-isptar biex ikunu jistgħu joħolqu mascot li jirrelata.

L-Onor. Galea rringrazzja lill-istudenti li wrew interess u li pparteċipaw. Hu qal li issa l-mascot se jsir f’forma diġitali sabiex ikun jista’ jintuża fil-publikazzjonijiet varji tal-isptar. Se jsir ukoll kostum tal-mascot sabiex ikun jista’ jiġi użat fl-iskejjel u attivitajiet oħra waqt kampanji edukattivi.

Qiegħed jiġi mħejji wkoll dokumentarju qasir li se jintuża bħala għodda sabiex titwassal informazzjoni dwar is-saħħa mentali u l-ħidma tal-Isptar Monte Karmeli.

L-istudenti kollha li pparteċipaw ġew ippreżentati b’ċertifikat ta’ tifkira mis-Sur David Galea, Chairman tal-Bord tad-Diretturi flimkien mas-Sur Edward Borg, CEO tal-Isptar Monte Karmeli.

Is-Sinjorina Calleja ġiet ippreżentata b’laptop minn rappreżentant tal-Bank Of Valletta.

Il-bord tal-għażla kien immexxi minn Trevor Zahra.

Sunday, November 28, 2010

Investiment fit-Tahrig

Ġie organizzat ‘seminar’ għal Kapijiet tas-Servizzi fil-Komunita` biex tkun definita l-missjoni bħala għodda strateġika, tiġbor is-servizzi kollha flimkien u tiffoka fuq il-kunċett ta’ kultura organizzata u ta’ valuri.

Minbarra dan, is-Segretarjat għall-Anzjani flimkien mad-Dipartiment tal-Anzjani komplew jorganizzaw b’suċċess żewġ korsijiet oħra intenzjonati għal persuni li jridu jagħmlu kors li jwassalhom għaċ-Ċertifikat ta’ Care Assistants.

Il-Kumitat li ħadem fuq is-swali tad-Dimensja offra wkoll programm ta’ taħriġ għall-istaff li kien interresat jaħdem f’dawn l-istess swali. F’dan il-kors ġew introdotti sistemi ġodda ta’ kura li tista’ tingħata lill-pazjenti.

Beda jiġi organizzat kors dwar id-dimensja għall-care workers li jaħdmu fid-djar tal-anzjani tal-Gvern. Il-care workers qed jingħataw l-opportunita` li jsegwu dan il-kors sabiex jiżviluppaw aħjar il-ħiliet tagħhom. B’hekk ikunu jistgħu jtejbu l-prattiċi ta’ kif jieħdu ħsieb persuni li jbatu minn din il-kundizzjoni.

Friday, November 26, 2010

DIMENZJA: MALTA GĦANDHA SSERVI TA’ EŻEMPJU GĦALL-PAJJIŻI EWROPEJ

“Malta għandha sservi ta’ eżempju għall-kumplament tal-pajjiżi Ewropej fil-ħidma eċċezzjonali li qed tagħmel dwar id-dimenzja”.


Hekk stqarr, Jean Georges, Direttur Eżekuttiv ta’ Alzheimer Europe waqt l-konferenza “Improving the Quality of life of people with Dementia: A challenge for European Society”, li intemmet ftit tal-ħin ilu fi Brussell.

Matul il-konferenza, li kienet organizzata mill-Presidenza Ewropea Belġjana, ġew ippreżentati diversi rapporti dwar il-ħidma fil-qasam tad-dimenzja mill-pajjiżi Ewropej.

Waqt l-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ Mario Galea li kien wiehed mill-kelliema ewlenin fis-sessjoni plenarja ta’ tagħrif dwar x’inhi tagħmel Malta fil-qasam ta’ dimenzja. Fl-istess diskors l-Onor Galea enfasizza l-bżonn għal-aktar taħriġ fil-qasam kif ukoll li titqajjem aktar kuxjenza dwar il-kundizzjoni tad-dimenzja. Fost l-oħrajn semma s-swali l-ġodda għad-dimenzja li nbnew f’dawn l-aħħar sentejn fir-Residenza San Vinċenz de Paul.

Il-ħidma li qed issir f’pajjiżna ġiet rikonoxxuta u mfaħħra minn diversi rappreżentanti ta’ pajjiżi Ewropej waqt l-interventi differenti li saru. Is-Segretarju Parlamentari Galea, li kien fil-panel ta diskussjonijiet dwar il-messaġġ u ħidma prinċipali li għandhom jingħataw u jsiru, stqarr li huwa d-dover ta’ kull pajjiż li jservi ta’ vuċi għal dawk li m’għandhomx.

Ic-Chairman tal-Konferenza Michael Rogers qal li dak li sar f’Malta għall-pazjenti bid-dimenzja għandu jservi ta’ ispirazzjoni għall-pajjiżi oħra Ewropej.

TRASFERIMENT TAS-SEZZJONI TAL-KONTRIBUZZJONIJIET

L-Amministrazzjoni tad-Dipartiment tal-Anzjani tixtieq tavża li b’seħħ minn nhar l-Erbgħa 1 ta’ Diċembru 2010, is-Sezzjoni tal-Kontribuzzjonijiet fi ħdan id-Dipartiment mhix se tibqa’ topera mill-Uffiċċju attwali, jiġifieri dak ta’ 469, Triq il-Kbira San Ġużepp, Sta.Venera.


Minflok, dawn is-servizzi, issa se jkunu qed jingħataw mill-bini fejn hemm is-Sezzjoni tat-Telecare, is-sular ta’ mat-triq, Triq Fleur de Lys, Birkirkara.

In-numru l-ġdid tat-telefon tas-Sezzjoni tal-Kontribuzzjonijiet issa huwa: 2148 3603.

L-Amministrazzjoni tad-Dipartiment tal-Anzjani ġentilment titlob il-kooperazzjoni tal-pubbliku waqt li tiskuża ruħha għal kwalunkwe inkonvenjent.

Thursday, November 25, 2010

Inawgurata statwa tal-Papa Gwanni Pawlu II fir-Residenza San Vincenz De Paul






Monsinjur Arċisqof Pawl Cremona illum inawgura statwa tal-Papa Ġwanni Pawlu II fid-daħla tal-Blokk Ġwanni Pawlu II fir-Residenza San Vinċenz De Paul. L-istatwa ġiet inawgurata wara quddiesa li saret fl-imsemmi blokk, li kienet animata minn band iffurmata minn impjegati tar-residenza u li għaliha attendew diversi residenti u familjari tagħhom.

L-Assistent Parlamentari fil-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita, l-Onor Peter Micallef, laqgħa lill-Monsinjur Arċisqof u spjegalu l-ħidma li ssir fil-blokk.


Il-Blokk Ġwanni Pawlu II, li ġie inawgurat f’Mejju ta din is-sena, huwa attrezzat apposta għall persuni li jbagħtu bid-dimensja u fiħ jilqa 144 resident.

L-istatwa hija xogħol is-Sur Michael Bonnici li jaħdem mal-anzjani fl-istess Blokk.


Nhar it-Tlieta li gej - Djalogu

Djalogu: Laqgha pubblika...ejja u ddiskuti mal-Ministru Joe Cassar, is-Segretarju Parlamentari Mario Galea u l-Assistent Parlamentari Pater Micallef - Djalogu Budget 2011: Sahha, Anzjani, Kura fil-Komunita- Nhar it-Tlieta li gej fis-7.00pm fil-Ballroom Hall tal-Phoenicia



Wednesday, November 24, 2010

TAQSIMA GĦAJNUNIET FID-DAR (Home Help)

L-għan ewlieni tas-servizz Home Help hu dak li jgħin persuni anzjani kif ukoll persuni b’diżabilita` biex jgħixu ħajja indipendenti kemm jista’ jkun, kif ukoll biex jinkoraġġihom jgħixu kwalita` ta’ ħajja aħjar. Sa tmiem din is-sena kien hemm 2,609 persuna li bbenifikaw minn dan is-servizz, b’total ta’ 3,476 li bbenifikaw.


Friday, November 19, 2010

INAWGURATA KAMRA TA’ RILASSAMENT FL-ISPTAR MONTE KARMELI

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Mario Galea, inawgura kamra ta’ rilassament fis-sala tan-nisa numru wieħed fl-Isptar Monte Karmeli. Dan kien ir-riżultat ta’ riċerka li saret minn tim multidixxiplinarju bl-iskop li jkompli jiġi mtejjeb is-servizz offrut.

F’diskors tal-okkażjoni, l-Onor. Galea qal li din is-sala hija dik li tissejjaħ Nurse Development Unit, l-unika waħda tax-xorta tagħha fil-qasam tas-saħħa mentali. Fost oħrajn, dan jinvolvi li l-infermiera jevalwaw il-livell ta’ sodisfazzjon tal-pazjenti tagħhom, liema evalwazzjoni tagħti informazzjoni dwar il-mod li biħ il-pazjenti jħarsu lejn il-kura mogħtija u wkoll kif din taffettwa l-istil ta’ ħajja tagħhom.

Wara evalwazzjoni simili ġie stabbilit li jista’ jsir użu aħjar mill-ħin liberu li jkollhom il-pazjenti u b’dan f’moħħom inbeda x-xogħol biex issir il-kamra ta’ rilassament. L-Onor. Galea spjega li minkejja li l-kelma rilassament normalment tintuża mingħajr ħafna ħsieb, fil-fatt din iġġib magħha ħafna impenn. Fil-fatt din hija sengħa li trid tiġi mgħallma, u permezz tat-tagħmir preżenti fil-kamra inawgurata, il-pazjenti jkunu jistgħu inaqqsu t-tensjoni u jserrħu l-moħħ. Dan imbgħad jirrifletti fil-pożittiv fuq il-proċess ta “recovery” li fuqu hija bbażata il-kura psikjatrika.

Fis-sala msemmija jingħataw kura 139 pazjent (mhux kollha residenti) ta’ etajiet differenti li jibdew minn adolexxenti sa anzjani.

L-Onor. Galea rringrazzja lill-membri tal-istaff tad-dedikazzjoni u d-determinazzjoni tagħhom li jissarfu f’kura ta’ livell għoli lill-pazjenti. Hu rringrazzja wkoll lill Vodafone Malta Foundation li ħarġet il-fondi neċessarji għal dan il-proġett.

Is-Sinjura Ġemma Mifsud Bonnici, Chairperson tal-istess fondazzjoni sellmet lill-ħaddiema tas-sala kif ukoll lill-pazjenti. Hi qalet li kien ta’ pjaċir għall-fondazzjoni li tkun ta’ għajnuna b’dan il-mod.

Fi tmiem l-attività ġew preżentati ċertifikati lill-infermiera li jaħdmu fis-sala wara li f’dawn l-aħħar ġimgħat attendew taħriġ dwar it-terapija tal-komunikazzjoni.

Tuesday, November 16, 2010

Inizjattivi Varji

 Ġew imħarrġa 130 membru tal-istaff fuq il-kura tad-dimensja minn esperti li nġibu apposta mill-Universita` ta’ Stirling fl-Iskozja, liema Universita` tispeċjalizza fuq din il-kundizzjoni.

 Ġie ppublikat ktieb li tqassam lill-membri tal-istaff fuq il-kura tad-dimensja.

 Tħejja ktieb bi stejjer sempliċi għat-tfal minn Trevor Zahra, biex jgħin lit-tfal jifhmu aktar x’inhi l-kundizzjoni tad-dimensja. Dan il-ktieb tqassam lit-tfal kollha li jattendu sitt sena tal-iskola tal-Gvern, tal-Knisja u tal-Privat. L-għan hu li permezz tat-tfal nilħqu lill-ġenituri.

 Is-Segretarjat għamel kuntatt mal-Kulleġġ tal-Kappillani biex permezz tal-paroċċi nilħqu u nagħtu appoġġ lill-qraba li qed jieħdu ħsieb anzjani billi noffru lectures fuq id-dimensja, waqgħat, abbuzi, fire awarness, nutrizzjoni, servizzi tal-anzjani u saħħa mentali.

 Flimkien mal-Malta Dementia Society twaqqaf helpline bin-numru 22081826 biex jgħin u jagħti appoġġ lil min qed jieħu ħsieb il-pazjenti bid-dimensja.

Monday, November 15, 2010

Ftuh Night Shelter - diskors tas-Segretarju Parlamentari Mario Galea


Jgħidu “li l-ħolm tal-bieraħ huwa l-aġenda politika tal-lum”.


U hekk hu. Snin ilu kien hawn il-ħolma li xi darba f’dan il-Kunvent kbir tas-Sorijiet ta’ Ġesù Nazzarenu għandu jsir night shelter għall-anzjani. Anzjani li għadhom indipendenti, imma minħabba ċirkostanzi differenti spiċċaw li matul il-lejl jorqdu waħedhom. Eżatt wara li ngħatajt il-kariga mill-Onor Prim Ministru ta’ Segretarju Parlamentari, bdejt kuntatt mal-Kurja u mas-Sorijiet ta’ Ġesù Nazzarenu biex il-ħolma tan-night shelter insarrfuha f’realtà. Irrid nibda biex nirringrazzja kemm lil dawn is-sisters, kif ukoll lill-Kurja, b’mod speċjali lil Mons Victor Grech u Mons McKeon għall-koperazzjoni u l-ħeġġa li sibt mingħandhom. Wara numru ta’ laqgħat, beda x-xogħol. Kellu jsir lift ġdid għall-anzjani li jkun aċċessibbli għall-wheelchair.

Saru kitchenette, television u living room, żewġ bathrooms u store. Bnejna wkoll tmint ikmamar għal tmin anzjani. Kull kamra ġiet mgħammra b’sodda u l-għamara kollha meħtieġa biex kull anzjana tkun tista’ tħalli xi affarijiet personali, inkluż ħwejjeġ fil-kamra tagħha. Kull kamra ġiet mgħammra wkoll b’nurse call. Dan hu l-ewwel night shelter li qatt sar f’pajjiżna u nista’ ngħid li diġà huwa suċċess. Diġà għandna seba’ sodod mimlija bl-anzjani.

Kif tafu għandna diversi servizzi oħra mmirati għall-anzjani fil-komunità. Imma dejjem konna nkwetati fuq anzjani li jispiċċaw jagħmlu talba biex jidħlu f’residenza u dan għal raġuni waħda – dik li jiddejqu jorqdu waħedhom bil-lejl għax is-solitudni kerha wisq. Il-politika tal-Gvern preżenti hi li jimpurtana minn kulħadd imma l-aktar minn dawk l-aktar vulnerabbli bħalma huma l-anzjani.

Naħseb l-akbar wirt li ħallewlna missirijietna u li dejjem iddistingwewna bħala poplu, hu t-twemmin tagħna u l-valuri li baqgħu jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra, b’valuri li fost oħrajn jinkludu illi aħna bħala poplu jimpurtana minn xulxin. Ta’ bilħaqq we are a caring society.

Dawn l-anzjani li qed jagħmlu użu minn dan in-night shelter qed nagħtuhom aktar indipendenza għax matul il-ġurnata għandhom is-sodisfazzjon li jagħmlu l-qadi tagħhom u jqattgħu l-ġurnata kif jixtiequ huma. Fuq kollox, iqattgħu l-ġurnata fl-ambjent li trabbew fih viċin il-familja u l-ġirien li jafu. Imbagħad meta jibda jidlam jiġu hawn u jgħaddu l-lejl b’moħħhom mistrieħ.

Għax dawn huma sorijiet li nafuhom u li jafuna. Huma parti integrali u importanti mill-komunità taż-Żejtun. Dawn is-sorijiet minn dejjem kellhom missjoni soċjali. Ta’ min jgħid li wara l-gwerra kellhom mijiet ta’ tfal żgħar, li ħafna minnhom sfaw orfni fil-gwerra u li spiċċaw irabbuhom dawn is-sorijiet. Interessanti l-fatt li wħud minn dawn it-tfal li spiċċaw bla familja kibru u baqgħu jgħixu hawn f’dan il-Kunvent u llum huma stess saru anzjani. Dan il-Kunvent kien u għadu darhom.

Barra minn din il-missjoni soċjali, dawn is-sorijiet huma magħrufa wkoll għall-presepju kbir mekkanizzat li kien inħadem mill-Isqof Galea u mill-Inġinier Salvu Pavia li llum hu resident f’San Vinċenz. Filwaqt li l-ħwejjeġ tal-pasturi kienu nħietu mill-istess sorijiet. Dan il-presepju hu ferm popolari u kull sena jżuruh għadd ta’ turisti. Aħna ż-Żwieten nafu wkoll li dawn is-sorijiet huma fost il-waħdiet li fadal li għadhom jaħdmu l-ostji li mbagħad jinbiegħu lill-knejjes.

Irrid l-ewwel u qabel kollox nawgura minn qalbi lill-anzjani kollha li qed jagħmlu użu minn dan in-night shelter. J’Alla hawn isibu l-mistrieħ u s-serħan tal-moħħ tul l-iljieli.

Lil dawn is-sorijiet minn qalbi rrid nerġa’ nirringrazzjahom għall-missjoni soċjali li dejjem kellhom. Għall-valuri li dejjem xerrdu fir-raħal tagħna u għal kemm nies li kienu għaddejin minn żmien diffiċli hawn ġew ġo dan il-Kunvent sabu s-sabar u t-talb li kellhom bżonn.

Irrid nagħlaq billi lil dawn is-sisters niddedikalhom kwotazzjoni mill-isbaħ ta’ Madre Teresa li nemmen li tgħodd ħafna u ħafna għalihom. Madre Teresa kienet qalet hekk “Intom lapes f’idejn Alla li permezz tax-xogħol tagħkom qiegħed jikteb ittra ta’ mħabba lid-dinja”.

Minn qalbi grazzi ħafna.

Ftuh Night Shelter - id-Diskors tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi


Il-ftuħ tan-night shelter taż-Żejtun għandu sinifikat qawwi għall-mod kif inħarsu lejn l-anzjani. Wara l-ftuħ ta’ dan in-night shelter hemm messaġġ ċar dwar il-kontribut li nemmnu li l-anzjani jistgħu jibqgħu jagħtu b’mod attiv lis-soċjetà tagħna.


Il-politika tal-Gvern dwar l-anzjani hija ċara: anzjani attivi huma ċentrali għal soċjetà b’saħħitha.

Għalhekk, nemmnu li l-anzjani għandhom jingħataw l-appoġġ kollu meħtieġ biex jgħixu ħajja indipendenti u ta’ kwalità fil-komunità tagħna. Pajjiżna għandu bżonn l-għerf, l-esperjenza u l-valuri tal-anzjani tagħna. Nemmnu li l-anzjani jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom biex l-ekonomija u s-soċjetà tagħna jkomplu jimxu ‘l quddiem.

B’din il-konvinzjoni, qed naħdmu biex noħolqu ambjent li fih persuna anzjana tkun tista’ tkompli tagħti l-kontribut tagħha lil pajjiżna. Dan mingħajr ma jittiefsu bl-ebda mod il-benefiċċji li ħaqqha tieħu wara s-snin twal ta’ servizz li tat lil pajjiżna.

Il-bidla radikali li l-Gvern qed iwettaq fis-settur tal-anzjani huwa ffukat kemm fuq is-servizzi li joffri l-Gvern, kif ukoll fil-mod ta’ kif inħarsu lejn il-valur intrinsiku tal-bniedem.

Spiċċa ż-żmien li l-edukazzjoni u t-taħriġ jitqiesu bħala oqsma limitati għaż-żgħożija. Il-bniedem qatt ma jieqaf jitgħallem. L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom funzjoni qawwija tul il-ħajja kollha tal-bniedem, kemm jekk huwa marbut max-xogħol u l-involviment komunitarju, u anke jekk huwa mmirat lejn l-iżvilupp sħiħ tal-persuna.

Sinjuri, nixtieq naqsam żewġ esperjenzi magħkom.

Aktar kmieni din is-sena, kelli l-opportunità nżur il-korsijiet ta’ filgħaxija organizzati għall-adulti mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Iltqajt ma’ anzjana li ta’ 70 sena ddeċidiet li tibda titgħallem tuża l-kompjuter. Qaltli li tixtieq titgħallem tuża t-teknoloġija biex tifhem dak li jkunu qed jgħidulha n-neputijiet tagħha meta jżuruha.

Anzjan ieħor qalli li meta kien wasal biex jirtira, ħassu li tilef il-valur tiegħu bħala persuna. Iddeċieda jipprova l-Malti biex ikollu ċertifikat edukattiv għax ma kellux dik l-opportunità meta kien żagħżugħ. Kiseb dak iċ-ċertifikat, u din is-sena reġa’ applika għal kors ieħor, din id-darba fl-Ingliż.

Dawn l-istejjer huma xhieda tal-bidla li qed inġibu f’pajjiżna li trid timxi id f’id mal-inizjattivi u servizzi ġodda li qed noffru lill-anzjani.

Din is-sena, minn 14,000 persuna, 1,057 anzjan u anzjana qed jipparteċipaw f’korsijiet offruti mid-Direttorat tat-Tagħlim Tul il-Ħajja. 95 minn dawn l-anzjani qed jistudjaw suġġetti relatati mal-IT bħal dik in-nanna li trid tikkomunika aħjar man-neputijiet tagħha.

Fi ftit jiem oħra, 19-il persuna ta’ aktar minn 60 sena se jiggradwaw mill-Università ta’ Malta, u bħalissa 58 anzjan u anzjana qegħdin jistudjaw fl-Università, l-aktar fl-oqsma tat-Teoloġija u tal-Arti. Pajjiżna qed jinbidel. Qed ibiddluh ukoll l-anzjani b’dak li jagħmlu.

L-esperjenza tal-anzjani hi importanti wkoll għall-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna. Illum l-anzjani jistgħu jaħdmu u jieħdu paga sħiħa wara l-età tal-irtirar u jieħdu paga u pensjoni sħiħa fl-istess ħin.

Il-bżonn li nħeġġu lill-anzjani biex jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol hija aktar importanti meta nħarsu lejn l-istatistika u dak li mistenni jiġri fis-snin li ġejjin. Fl-2015, pajjiżna mistenni jkollu popolazzjoni ta’ ftit inqas minn 105,000 anzjan li għandhom aktar minn 60 sena. Dan għandu jiżdied għal aktar minn 150,000 sal-2050. Il-popolazzjoni Maltija qegħda tixjieħ; għalhekk irridu nħejju l-istrutturi kollha meħtieġa minn issa biex nilqgħu għal dan it-tibdil.

In-night shelter taż-Żejtun hija ħolqa importanti fil-katina ta’ inizjattivi li qed nieħdu biex aktar anzjani jibqgħu attivi. Permezz tan-night shelter, l-anzjani jistgħu jibqgħu jgħixu ħajja indipendenti tul il-ġurnata, u jgħixu fil-kumpanija ta’ oħrajn matul il-lejl.

Sal-lum, anzjani li ma setgħux jgħixu waħedhom matul il-lejl, ma kellhomx għażla ħlief li jidħlu f’dar tal-anzjani. Il-proġett pilota li nedejna flimkien mas-Sorijiet tal-Kunvent ta’ Ġesù Nazzarenu juri li l-anzjani jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità tagħna jekk jingħataw il-ftit għajnuna li jinħtieġu filgħaxija. Hu pjanat li tul is-sena d-dieħla niftħu night shelter ieħor fil-Mellieħa.

Il-ħsieb ewlieni tan-night shelter huwa l-istess bħal tad-day centres u s-servizzi kollha li l-Gvern jagħti lill-anzjani: is-solidarjetà u li nibnu soċjetà b’saħħitha. Fin-night shelters l-anzjani jsibu s-serħan il-moħħ li jeħtieġu mill-kumpanija ta’ oħrajn. Fid-day centres l-anzjani jiltaqgħu ma’ ħaddieħor u b’hekk jibqgħu attivi u motivati.

Din is-sena ftaħna day centre fil-Mellieħa b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali biex illum għandna 17-il day centre għall-anzjani madwar Malta kollha. 1,400 anzjan jipprattikaw il-ħiliet u l-passatempi tagħhom fid-day centres. Iċ-ċentri joffru wkoll servizzi ta’ fiżjoterapija, podoloġija, occupational therapy u programmi ta’ mixi.

Dan huwa eżempju ċar tal-mod kif permezz tas-solidarjetà l-anzjani fostna jibqgħu b’saħħithom kemm fiżikament kif ukoll fuq livell soċjali u emottiv.

Il-Gvern qed isaħħaħ is-servizzi għall-anzjani, fosthom il-Meals on Wheels, it-Telecare, il-HomeHelp, il-Handyman u l-Commcare. Dawn is-servizzi kollha qed iwasslu lil aktar anzjani biex jibqgħu jgħixu ħajja indipendenti fis-soċjetà tagħna.

Il-valur ta’ dawn is-servizzi mhuwiex limitat għall-persuni li jgawdu minnhom biss. Kull anzjan li jibqa’ attiv jista’ jibqa’ jagħti kontribuzzjoni lill-komunità tiegħu u jkun viċin il-familja tiegħu.

Huwa għalhekk ta’ sodisfazzjon li aktar anzjani qed jagħmlu użu minn dawn is-servizzi.

Sinjuri,

Bil-ftuħ tan-night shelter fiż-Żejtun, qed nuru l-impenn tal-Gvern biex l-anzjani jibqgħu fiċ-ċentru tas-soċjetà tagħna. Flok bnejna binja u offrejniha lill-anzjani filgħaxija, ingħaqadna mas-Sorijiet tal-Kunvent ta’ Ġesù Nazzarenu, li huma parti integrali mill-komunità taż-Żejtun. Ta’ dan nirringrazzjahom. Fil-Mellieħa se nżewġu l-aspett komunitarju billi ninvolvu lill-Kunsill Lokali.

Irrid fl-aħħarnett nirringrazzja u nsellem lill-anzjani kollha għal dak kollu li tawna u dak li qed jagħtu lil pajjiżna. Il-poplu tagħna grat lejkom.

Jinfetah l-ewwel centru ta' matul il-lejl ghall-anzjani f'pajjizna


Informazzjoni dwar l-Ewwel Ċentru ta’ Matul il-Lejl għall-Anzjani f’pajjiżna


Il-Prim Ministru, l-Onor Lawrence Gonzi, dalgħodu fetaħ uffiċjalment l-ewwel ċentru ta’ matul il-lejl għall-anzjani f’pajjiżna. Waqt il-programm tal-ftuħ Il-Prim Ministru u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita spjegaw il-ħsieb wara dan iċ-ċentru u ltaqgħu wkoll mal-ewwel anzjani li qegħdin jużaw dan is-servizz ġdid.

Dan iċ-ċentru jinsab fil-kunvent tas-sorijiet ta’ Ġesu Nazzarenu fiż-Żejtun, fejn sala kbira ġiet mibdula f’ċentru ta matul il-lejl (night shelter ) għall-Anzjani. F’dan iċ-ċentru l-anzjani se jkunu jistgħu jgħaddu l-lejl b’rashom mistrieħa.

Punti dwar iċ-ċentru:

- Dan huwa proġett pilota li permezz tiegħu l-anzjani se jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunita’ tagħhom mingħajr il-bżonn li jmorru joqogħdu ġo dar tal-anzjani. Huma bosta dawk l-anzjani li jagħżlu li jmorru f’home minħabba li ma jridux iqattgħu il-lejl waħidhom u allura ċ-ċentru jaf ikun soluzzjoni ideali

- Matul il-lejl ikun hemm care worker stand by

- F’kull kamra hemm buzzer biex tissejjaħ l-għajnuna tal- care worker f’każ ta’ bżonn

- Dan il-proġett qiegħed isir b’kollaborazzjoni mal-Kurja

- Bħalissa hemm 7 anzjani li ilhom jorqdu f’dan iċ-ċentru sa minn Awwissu


Iċ-ċentru jikkonsisti minn:

- 8 soddod
- Kċina
- Sitting u living area
- Kamra tal-banju
- Toilet
- Store / box room
- Lift (naturalment aċċessibbli għall-wheelchair)

Dan kien proġett piolta li ntlaqa’ tajjeb, tant li diġa’ bdew tħejjijiet għat-tieni ċentru simili li ser isir fil-Mellieħa.

Saturday, November 6, 2010

Budget 2011: Diskors Segretarju Parlamentari Mario Galea

Il-punti ewlenin tad-diskors tas-Segretarju Parlamentari ghall-anzjani u kura fil-komunita se jkunu mxandra fil-hin reali fuq www.twitter.com/segretarjat u fil-grupp tal-facebook tas-segretarjat.

Id-diskors se jsir dalghodu fil-11.30am.

Thursday, November 4, 2010

Budget 2011: Punti li ħarġu mid-diskors tal-Prim Ministru


• 25 ewro allowance fil-ġimgħa lill-ħaddiema fuq minimum wage li jagħmlu kors ta’ tahriġ


• Ingħataw inċentivi biex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol

• 144,000 jaħdmu bi qligħ


• Żieda fin-nisa jaħdmu – 7,000 aktar

• Xogħol produttiv mal-privat jiżdied b’14,000

• Żieda ta’ 6% fl-impjiegi tan-nisa

• It-taxxa fuq il-pagi f’Malta hi l-inqas fl-Ewropa

• 112,000 ma jħallsux ċenteżmu taxxa

• Għat-tlielet sena tnaqqset l-income tax

• Tħabbru nċentivi lill-pensjonanti li jaħdmu

• Inċentivi lin-negozji z-zgħar u self employed

• Tħabbru nċentivi għall-bdiewa u r-raħħala

• Qed tinfetaħ skola ġdida kull sena

• Qed jinfetħu child care centres madwar il-pajjiż

• Qed isir investiment qawwi fil-boroz ta’ studju

• Investiment fl-MCAST

• Servizzi speċjalizzati għall-anzjani

• Investiment kbir fil-Mater Dei

• Żieda kbira fl-operazzjonijiet fil-Mater Dei

• Mediċina kontra l-kancer u b’xejn

• Breast screening li salva 42 mara mill-kanċer

• Qed jinbena sptar ġdid kontra l-kanċer

• Pjazza San Ġorg – minn parkeġġ għal spazju miftuħ għall-familji

• Dinjita lill-Belt Kapitali ta’ pajjiżna – proġetti kontinwi ta’ tisbiħ

xoghol li jkun ghaddej

- Is-servizz ‘Podogeriatric’ kien offrut lir-Residenti ta’ San Vinċenz de Paul, lir-Residenti ta’ Djar tal-Anzjani tal-Gvern, Anzjani li jgħixu fil-komunita` u lir-residenti ta’ l-Isptar ta Rijabilitazzjoni Karen Grech. Saru wkoll taħdidiet edukattivi fejn kien mitlub.


- Ingħata l-Vaċċin tal-influwenza staġjonali u għall-ewwel darba ngħata l-vaċċin kontra l-Hepatitis B tul is-sena 2009 lir-residenti tad-djar tal-Anzjani tal-Gvern, lill-anzjani li jgħixu fil-komunita` u lill-istaff kollu tagħhom.

- Matul is-sena li għaddiet kien hemm żieda sostanzjali fl-għoti tal-vaċċin B li ngħatat lill-istaff li jaħdem fid-Djar tal-Anzjani. Dan minħabba lit-Taqsima tal-Infection Control kompliet bil-kampanja tagħha biex tagħti l-vaċċin possibbilment lill-istaff kollu f’dawn id-Djar.

Wednesday, November 3, 2010

PREŻENTATI LIĊENZI LILL-INFERMIERA

Il-Ministru għas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor Joe Cassar, flimkien mas-Segretarju Parlamentari l-Onor Mario Galea ppreżentaw il-liċenza lill-140 infermier waqt ċerimonja fl-istess Ministeru l-bieraħ filgħaxija.


Din il-liċenza hija sinjal ta’ rikonoxximent u apprezzament min-naħa tal-Gvern għall-ħidma u l-professjonalità tal-infermiera.

Waqt messaġġ qasir tal-okkażjoni, l-Onor Galea qal li, bħala infermier hu stess, jifhem li l-infermier hu l-qalb tas-servizzi tas-saħħa. Filwaqt li stieden lil kull infermier biex ikun kburi li jħaddan professjoni tant importanti għas-saħħa tal-pazjenti, sostna wkoll l-importanza li l-professjonisti varji fil-qasam tas-saħħa jżommu ruħhom dejjem aġġornati dwar l-aħħar prattiċi sabiex ikunu jistgħu joffru l-aħjar servizz possibbli.

Il-Ministru Cassar irringrazzja lill-infermiera tal-ħidma li jwettqu mal-pazjenti u qal li ċ-ċertifikat li tqassam huwa konferma tar-rispett li l-Gvern għandu lejn il-ħidma tal-infermiera. Hu stieden lil dawk preżenti biex ikunu professjonisti eżemplari filwaqt li bil-ħidma tagħhom ikunu ta’ eżempju għal infermiera ġodda. Il-Ministru Cassar ħeġġeġ lill-infermiera biex huma stess jitkellmu dwar il-professjoni tagħhom u jaqsmu l-esperjenzi pożittivi mal-famlijari u ħbieb sabiex min ikun imħajjar jagħżel din il-professjoni jkun jista’ jsegwi l-eżempju tagħhom.

Id-Dipartiment tas-Saħħa għandu mal-5,000 professjonist mediku jaħdmu fi ħdanu. Dawn jinkludu mal-2,300 infermiera u qwiebel, 760 tobba u dentisti u 2,050 allied health care professionals (bħal Fiżjoterapisti, Speech Language Pathologists, etc) nursing aides u health assistants.

Din iċ-ċerimonja kienet waħda minn numru ta’ ċerimonji li qed isiru mal-professjonisti kollha li jaħdmu fis-settur tas-Saħħa Pubblika

Tuesday, November 2, 2010

Diskors tal-Budget

Id-diskors tal-Budget dwar ir-responsabilitajiet tas-Segretarjat Parlamentari Ghall-Anzjani u Kura fil-Komunita` ser isir is-Sibt li gej fil-11.30am.

Dawk kollha interessati jistghu jattendu fil-parlament stess jew isegwu d-diskors fuq 106.6 fm.