Hekk kif se jibda l-perjodu li matulu l-influwenza staġjonali hija l-aktar komuni, il-Gvern qiegħed iħeġġeġ lill-pubbliku biex jilqa’ għal din l-influwenza permezz tal-vaċċin relatat. Għal darb’oħra dan il-vaċċin qiegħed jiġi offrut bla ħlas lil faxxa wiesgha tas-soċjeta’.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’, l-Onor. Mario Galea qal li għalkemm l-influwenza tolqot lill-popolazzjoni kollha, l-aktar vulnerabbli huma l-anzjani u dawk li jbatu minn problemi mediċi.
L-influwenza tista’ twassal għall-kumplikazzjonijiet serji, bħall-pneumonia u huwa stmat li bejn 20,000 u 40,000 persuna jmutu bl-influwenza fl-Unjoni Ewropea.
Il-vaċċin tal-influwenza se jibda jitqassam bla ħlas miċ-Ċentri tas-Saħħa minn-nhar it-Tnejn li ġej, 25 ta’ Ottubru 2010 f’dawn il-ħinijiet:
• Mit-Tnejn sal-Ġimgħa mill-10.30a.m. sas-1.00p.m.
• Is-Sibt mill-10.00a.m. sa nofsinhar
Fl-ewwel gimgħatejn, il-vaċċin se jingħata wkoll mit-Tnejn sas-Sibt bejn l-4.00pm u s-7.00pm miċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Mosta, Furjana u Raħal Ġdid.
Il-Gvern se jqassam 85,000 vaċċin bla-ħlas lill-dawk li jaqgħu f’dawn il-kategoriji:
• Professjonisti tas-saħħa u ħaddiema li għandhom kuntatt mal-pazjenti.
• Ħaddiema ta’ istituzzjonijiet u djar tal-anzjani
• Residenti fid-djar tal-anzjani
• Studenti li jattendu skejjel għall-persuni b’diżabilita’
• Persuni ’l fuq minn 55 sena
• Tfal bejn 6 xhur u 4 snin
• Persuni li jbagħtu minn mard kroniku tal-pulmun, qalb, fwied, kliewi u dijabete
• dawk li ghandhom is-sistema ta’ difiża tagħhom dagħjfa (jinkludu nies li għandhom l-HIV u l-AIDS)
• Il-persuni li jkunu rikoverati l-isptar fil-perjodu tal-vaċċinazzjoni (ikunu jistgħu jieħdu l-vaċċin mill-isptar)
• Persuni taħt il-55 sena jridu jġibu evidenza ta’ waħda minn dawn:
Il-Karta ta’ Schedule IV
ċertifikat mediku
Ħaddiema f’dawn is-setturi jistgħu jieħdu l-vaċċin bla ħlas:
• Korp tal-Pulizija
• Forzi Armati
• Protezzjoni Civili
• Ċentri ta’ Detenzjoni u open centres
• Servizzi Veterinarji
• Abattoir
• Dipartiment tat-Tindif
• Uffiċjali tad-Dwana
• Bdiewa li jrabbu t-tiġieġ
• Ħaddiema u priġunieri fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin
54 Kunsill Lokali f’Malta u f’Għawdex se jamministraw il-vaċċin lir-residenti tal-lokal tagħhom. Dawk il-persuni li ma nkitbux mal-Kunsill Lokali, jistgħu jmorru ghall-vaċċin miċ-Ċentri tas-Saħħa fil-ħin indikat.
No comments:
Post a Comment