Merħba

Nilqgħukom fil-Blog tas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`. L-għan ta’ dan il-Blog hu Ii nżommuk aġġornat dwar dak li jkun għaddej fl-oqsma tal-Anzjani u Saħħa Mentali li tagħhom hu responsabbli dan is-Segretarjat.

Friday, October 15, 2010

DISKORS MILL-ONOR MARIO GALEA, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ FL-OKKAŻJONI TAL-PREMJU ANZJAN TAS-SENA – IL-PALAZZ, VALLETTA – 15 TA’ OTTUBRU 2010

Eċċellenza President Dott George Abela

Onorevoli Viċi Prim Ministru
Monsinjur Arċisqof
President Emeritus u Sinjura Fenech Adami
Onorevoli Ministru Dott Joe Cassar u Sinjura Cassar
Onorevoli Membri Parlamentari
Sinjuri

Irrid nibda biex nirringrazzja lill-Eċċellenza Tiegħu l-President ta’ Malta talli ġentilment għat-tieni darba qed jerġa’ jpoġġi għad-dispożizzjoni tagħna dan il-Palazz Presidenzjali biex norganizzaw din is-serata tal-Premju Anzjan tas-Sena. Dan il-fatt fih innifsu, flimkien mal-fatt li għal din is-serata hawn l-ogħla mexxejja tal-pajjiż, huwa prova ċara tar-rispett li din il-ġenerazzjoni tal-anzjani tagħna għadha tgawdi.

Meta nitwieldu, ilkoll kemm aħna nitwieldu bi ktieb magħluq. Jekk forsi jkunu laħqu ddeċidew fuq ismek, jista’ jkun hemm ismek fuqu. Ovvjament fuq l-għażla ta’ ismek m’għandek ebda dritt għall-konsultazzjoni, avolja dan l-imbierek isem se jkollok iġġorru miegħek tul ħajtek kollha. Intant, kull jum li jgħaddi inti tibda titgħallem, tesperimenta, tiżviluppa, tinnota lil ta’ madwarek u bil-mod il-mod taħżen l-esperjenza. Bil-mod il-mod, jum wara l-ieħor tibda timla dan il-ktieb ta’ ħajtek. U proprju kien għalhekk li s-sena l-oħra għażilna s-simbolu tal-ktieb bħala trofew għall-Anzjan tas-Sena. Kull wieħed u waħda minna għandu ktieb differenti. B’esperjenzi u stejjer differenti. L-ebda wieħed mhu l-istess. Għax kif kien qal xi ħadd għaqli “Life is a journey yet to be discovered, not a guided tour”. Għalhekk is-sinifikat tal-ktieb bħala premju.

Tabilħaqq iż-żmien jgħaddi u l-ħajja tinbidel. Illum in-neputi mhux bilfors jaħsibha bħan-nanna u n-nannu, anzi aktarx li aktar le milli iva. Wisq probabbli lanqas in-nanna u n-nannu ma jħossuhom għal kollox komdi mal-istil ta’ ħajja tan-neputi jew tan-neputija.

Biss kelma llum u oħra għada, xi ħaġa tibqa’. Xi ħaġa teħel. U għalhekk l-anzjani tagħna jibqgħu l-akbar difensuri u għassiesa tal-valuri tagħna.

Din il-ġenerazzjoni ta’ anzjani li qed insellmu u nippremjaw illum, hija ġenerazzjoni li tat ħafna. Mhux lilna biss bħala Maltin u Għawdxin. Imma lil tant u tant pajjiżi oħra. Biżżejjed insemmu li din hi ġenerazzjoni li tatna tant u tant reliġjużi li llum qed jagħmlu ħidma sfieqa mhux biss f’Malta u Għawdex, imma f’diversi pajjiżi oħra bħala missjunarji mifruxa mal-erbat irjieħ tad-dinja kollha. Tabilħaqq għandna għalfejn inkunu kburin bl-anzjani tagħna. Għandna ħafna għalfejn ngħidulhom grazzi. Xi ħadd m’ilux qal ‘that we have a population which is ageing and dying’. Sa ċertu punt huwa vera. Dan minkejja li għandna waħda mill-aħjar life expectancies fid-dinja. Biss hu vera wkoll li din kienet u għadha ġenerazzjoni, illum anzjani, li għamlet id-differenza. U llum, sfortunatament vera li din qed tixjieħ u bdiet tmut. Nittama biss li aħna, l-hekk imsejħa ġenerazzjoni tal-lum, meta jasal iż-żmien li nterrqu lura minn fuq din l-art, ta’ warajna jkunu jistgħu jgħidu l-istess affarijiet sbieħ fuqna.

Għax ninsabu fi żmien ta’ sfidi kbar fejn hawn uħud li lesti jarmu l-valuri li writna mingħand missirijietna u jesperimentaw b’modi oħra li sal-lum dan il-poplu dejjem ċaħad. Forsi l-akbar wirt li ħallewlna missirijietna mhux daqstant il-Hypogeum jew il-Ġgantija. Dawk siti storiċi u uniċi u bħala Maltin u Għawdxin għandna nkunu kburin bihom u għandna dmir akbar li nħarsuhom.

Imma dak li għal eluf ta’ snin sawwar dan il-poplu, huma l-valuri nsara li ntirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra. Valuri li l-istess bħas-swar li jdawwru l-ibliet tagħna they stood the test of time. U l-valuri li writna mingħand din il-ġenerazjoni ta’ anzjani tagħna u mingħand oħrajn li ġew qabilhom, l-istess bħas-swar tagħna baqgħu sodi u ma ċedewx għal tant attakki li saru fuqhom.

Valuri li fost oħrajn u forsi fost l-aktar importanti jinkludu t-tisħiħ u l-ħarsien tal-Familja Maltija. Ovvjament hawn qed nitkellem fuq twemmin. Fuq għażla ta’ valuri. Qajjimt dan is-suġġett żgur mhux biex b’xi mod nipprova ninponi l-valuri tiegħi. Xejn minn dan. Imma bħala poplu ma nistgħux indaħħlu rasna fir-ramel. L-attakk fuq il-valuri, fuq il-familja; liema attakk fl-opinjoni tiegħi għamel tant u tant ħsara f’soċjetajiet oħra, se jasal f’Malta wkoll.

U kull wieħed u waħda minna għad ikollna nagħmlu għażliet importanti ħafna. Jew inkomplu nagħżlu l-valuri li ħallewlna missirijietna u li dejjem kienu l-karatteristika ewlenija tagħna bħala poplu. Inkella nagħżlu stili ta’ ħajja oħra li qed jiġu ppreżentati lilna f’wrapping paper sabiħa u kollha tlellix, iżda meta tiftaħhom u tibda tużahom tinduna li minflok jibnu, jkissru. Flok jgħaqqdu, jifirdu. Flok jorbtu, jħollu.

Nerġa’ nsostni li dawn l-istili hekk imsejħa ġodda u tal-moda, ommijietna u missirijietna fl-imgħoddi ċaħduhom. Għax kellhom l-għaqal li jgħarfu t-tajjeb mill-ħażin. J’Alla aħna wkoll ikollna d-don li nagħmlu l-għażliet it-tajbin.

Biex lil uliedna nħallulhom pajjiż sod, kif writna mingħand dawn l-anzjani li llum qegħdin nippremjaw.

Konvint u fiduċjuż li kif dejjem għamel dan il-poplu fi żmien ta’ sfidi u għażliet importanti, jerġa’ jdur lejn il-kbir Alla u kif dejjem talbu jerġa’ jitolbu “Ħares Mulej lil din l-art ħelwa kif dejjem int ħarist”.

Grazzi ħafna.

No comments:

Post a Comment