Is-Sur John Debono ilu jagħmel xogħol volontarju mal-Aġenzija Appoġġ sa mis-sena 2003. Dan minbarra xogħol volontarju ieħor li hu jagħmel f’oqsma oħra wkoll. Fis-sena 2003, beda proġett ġewwa l-Aġenzija li ngħata l-isem ta’ Proġett Tereża. Hu kien il-persuna li ħadem biex waqqaf dan il-Proġett li jikkonsisti fi ġbir ta’ għamara u affarijiet oħra sabiex jingħataw lill-familji fil-bżonn.
Is-Sur Debono jiltaqa’ ma’ dawn in-nies ħafna drabi hu personalment għalkemm għandu l-għajnuna ta’ voluntier ieħor. Hu baqa’ l-persuna konsistenti sa minn meta beda l-proġett. Minbarra li jara l-bżonnijiet materjali tal-persuni referuti, is-Sur Debono jkun hemm ukoll sabiex jgħin u jisma’ lin-nies. Minkejja li mhuwiex professjonista, il-ħidma volontarja tiegħu f’dan il-qasam għenitu sabiex ikun jista’ jgħin lil dawn in-nies u jirreferihom għas-servizzi li huma jinħtieġu. Ikunu diversi d-drabi meta s-Sur Debono jgħarraf lill-ħaddiema soċjali b’nies li jkunu jeħtieġu l-għajnuna u li bl-intervent tiegħu jaċċettaw li jirċievu din l-għajnuna. Ħafna drabi dawn in-nies mhux ma jkunux iridu l-għajnuna iżda ma jkunux jafu fejn se jfittxuha u tabilħaqq li l-ħidma tas-Sur Debono hija ta’ mitqlu deheb sabiex is-servizzi soċjali provduti jaslu għand min verament huwa fil-bżonn.
Is-Sur Debono jqatta’ madwar 15-il siegħa ta’ xogħol volontarju fil-ġimgħa ġewwa l-Aġenzija Appoġġ proprju fi ħdan Proġett Tereża. Huwa punt ta’ riferiment kemm għal professjonisti li jaħdmu fl-aġenzija, kemm dawn li ġejjin minn aġenziji u entitajiet oħra u saħansitra minn nies fil-bżonn ukoll.
Is-Sur Debono jagħmel xogħolu bl-akbar dedikazzjoni. Minkejja li hu voluntier dejjem mexa mal-proċeduri u policies tal-aġenzija. Huwa għandu esperjenza kbira fil-management riżultat tax-xogħol tiegħu qabel irtira u jagħmel użu tajjeb ta’ dawn il-kapaċitajiet li hu akkwista matul is-snin ta’ ħidma tiegħu.
Huwa persuna li jġib serenita u paċi kull fejn ikun u dejjem jara kif jagħmel sabiex jakkwista għajnuna għan-nies fil-bżonn. Hu persuna umli ħafna u filwaqt li japprezza l-grazzi li jirċievi għal dan ix-xogħol dedikat u siewi tiegħu, hu dejjem jgħid li l-grazzi għalih hi meta jkun ta’ għajnuna għan-nies fil-bżonn u jara t-tbissima fuq wiċċhom. Is-sodisfazzjon għal John ikun evidenti fuq wiċċu meta jirnexxilu jgħin u jaqta’ x-xewqa ta’ xi familja li għall-ewwel darba jkunu se jqattgħu l-lejl fuq saqqu u dan grazzi għad-donazzjonijiet li nirċievu sabiex ngħinu lil dawn in-nies.
Meta jirċievi talba għal oġġetti li familja jew indivdwi jkollhom bżonn u ma jkunx jista’ jgħinhom għax ma jkollux x’jagħtihom, is-Sur Debono jara kif jagħmel, ifittex u jistaqsi sabiex ikun ta’ għajnuna għal dawn in-nies.
L-imħabba tiegħu lejn il-proxxmu u n-nies fil-bżonn hi evidenti u verament jagħmel dan ix-xogħol volontarju minn qalbu u b’dedikazzjoni.
Għall-Aġenzija Appoġġ meta wieħed isemmi proġett Tereża, mill-ewwel tirreferi u tiftakar f’John Debono. Hu kien il-persuna li identifika dan il-bżonn u li sal-ġurnata tal-lum għadu mitlub u bżonnjuż. F’ħafna sitwazzjonijiet l-għajnuna permezz ta’ Proġett Tereża huwa l-bidu sabiex nies fil-bżonn jirċievu l-għajnuniet li għandhom bżonn qabel ikun tard wisq.
Ħafna kappillani, professjonisti u entitajiet differenti kemm-il darba għamlu kuntatt mas-Sur Debono sabiex jitolbuh jgħin nies li jkunu fil-bżonn jew biex jikkontribwixxu oġġetti li jistgħu jkunu ta’ bżonn kbir għal ċerti individwi u familji fost dawn insemmu l-Community Chest Fund, is-Segretarjat Assistenza Soċjali (Istitut Kattoliku), YMCA/YWCA, Kummissjoni Djakoniji fi ħdan diversi parroċċi, u oħrajn.
Is-Sur Debono dejjem emmen fil-ħidma fil-komunita` u minbarra dan ix-xogħol volontarju tiegħu madwar in-nies fil-komunitajiet lokali tagħna, huwa wkoll membru tal-kummissjoni djakonija fi ħdan il-parroċċa tal-Iklin. Xogħolu li flimkien m’oħrajn jorganizzaw attivitajiet biex jgħinu lin-nies fil-bżonn. Minbarra dan, huwa wkoll membri fil-kumitat tal-fundraising fi ħdan l-istess lokalita`.
Minkejja dan ix-xogħol volontarju kollu, is-Sur Debono huwa wkoll persuna ddedikata għal familja u l-hena tiegħu meta jitkellem fuq martu, uliedu u l-għeżież neputijiet li għandu. Minkejja l-impenji volontarji tiegħu, dejjem isib ħin għall-familja.
Id-dedikazzjoni u l-impenn volonatrju tiegħu huma kwalitajiet li kull min jiltaqa’ jew jitkellem mas-Sur Debono jammira u j’Alla nies oħra bħalu jiddedikaw ftit mill-ħin tagħhom sabiex ikunu ta’ għajnuna għal nies aktar fil-bżonn
No comments:
Post a Comment