Illum huwa l-jum iddedikat għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali. Dan l-indirizz qasir tiegħi huwa mmirat għalik li bħalissa għaddej minn problemi ta’ saħħa mentali. Huwa indirizzat għalik ukoll jekk inti xi qarib ta’ xi ħadd li għaddej minn problemi ta’ saħħa mentali. Jiena nifhem ħafna t-tbatija tagħkom.
Hija ħasra li f’pajjiżna għad hawn min ma jifhimx li l-mard mentali sar tant komuni li jien jew int faċilment jista’ jkollna problemi ta’ saħħa mentali. Il-mard mentali bħal diversi mard ieħor jista’ jolqot lil kulħadd hu min hu, hi x’inhi l-pożizzjoni tiegħu fis-soċjeta`. Tfal, żgħażagħ, adulti u anzjani huma kollha vulnerabli li jgħaddu minn problemi ta’ saħħa mentali.
Lilek li qed tbati minn problemi ta’ saħħa mentali rrid inwassallek messaġġ sinċier ta’ kuraġġ. Għalik teżisti l-għajnuna li tgħinek tfiq jew tħossok aħjar. Illum diġa’ irnexxilna nifirxu l-kura tal-psikjatrija fil-komunita` għal kwazi 30 lokalita`. Int min int, toqgħod fejn toqgħod naċċertak li għalik teżisti l-għajnuna.
F’dan il-jum iddedikat għan-nies bi problemi ta’ saħħa mentali rrid insellem minn qalbi lil kull min għaddej minn problemi ta’ saħħa mentali. Jien nemmen fil-potenzjal tiegħek u naċċertak li għalija int persuna importanti li fadallek post u sehem x’tagħti fil-komunita`. Insellem ukoll lill-qraba tagħhom. Fl-aħħar iżda mhux l-anqas irrid nirringrazzja lill-professjonisti li b’tant dedikazzjoni jaħdmu f’dan il-qasam.
Mario Galea
Segretarju Parlamentari
No comments:
Post a Comment