Sinjuri,
Fis-sena Ewropea ddedikata kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, kien dehen li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tagħżel għal Jum Dinji tas-Saħħa Mentali t-tema “Il-mard mentali, il-faqar u l-esklużjoni soċjali” – tliet fatturi li huma interlatati flimkien.
Il-mard mentali hu varju - minn mard bħad-dipressjoni akuta għall-mard aktar serju bħal skizofrenija. Ma għandna l-ebda evidenza xjentifika li l-mard mentali serju qiegħed jiżdied – statistikament dan il-mard jaffettwa bejn 2 u 3 fil-mija tal-popolazzjoni. Imma l-mard mentali aktar komuni bħad-dipressjoni u l-ansjeta` qiegħed kull ma jmur jiżdied. Il-kawża prinċipali ta’ din iż-żieda hi minħabba li l-fatturi soċjali li jistgħu jwasslu għal dan il-mard qedgħin jiżdiedu fis-soċjeta` moderna tal-lum, bħal stress, tkissir tal-familji, ambjent mhux san etc. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qiegħda tipprevedi li sas-sena 2025, id-dipressjoni tkun l-aktar marda komuni fis-soċjeta` u li saħansitra se li sa tisboqq il-mard tal-qalb, id-dijabete u l-kanċer.
Mill-Eurostat Labour Force Survey [2007] naraw ukoll li l-aktar ħaddiema Ewropej li jirrapurtaw stress kaġun tax-xogħol tagħhom huma l-Maltin. Mill- Eurobarometer dwar is-saħħa mentali li se jiġi ppubblikat mill- Kummissjoni Ewropea, naraw li n-numru ta’ Maltin li qegħdin fuq l-antidipressanti f’dawn l-aħħar tnax-il xahar żdied u llum hawn 10% tal-popolazzjoni fuq dawn il-pilloli komparat meta mqabbel mal-medja ta 7% fl-Unjoni Ewropea. L-aktar kawżi ta’ din iż-żieda huma d-dipressjoni u l-ansjeta`.
Il-Eurobarometer ma jagħtix biss stampa mwera tas-saħħa mentali f’pajjiżna għax in-numru ta’ Maltin li jħossuhom pożittivi u kuntenti f’ħajjithom hija ogħla mill-medja Ewropea – 64% versus 61%. In-numru ta’ Maltin li jħossuhom “full of life” jew li għandhom “lots of energy” huwa ta’ bejn wieħed u ieħor 34% meta mqabbel mal-medja Ewropea ta’ 29%.
Il-Gvern hu konxju tal-importanza li nagħtu aktar riżorsi għas-settur tas-saħħa mentali. Dan il-Gvern poġġa l-qasam tas-saħħa mentali bħala prijorita` sabiex inkomplu insaħħu l-kwalita` tal-ħajja u tas-saħħa tal-poplu Malti. Ilna mill-1995 nirriformaw dan is-settur sabiex nagħtu servizz interprofessjonali, ħolistiku u aktar effettiv lill-klijenti tagħna u lin-netwerk soċjali tagħhom. Sena wara sena, investejna aktar riżorsi għal dan is-settur kemm b’mod finanzjarju kif ukoll permezz ta’ ħaddiema professjonali. Ftaħna servizzi fil-komunita` sabiex il-kura medika jew psikosoċjali tingħata b’mod aktar effettiv u f’waqtu. Dalwaqt se jkonna 30 lokalita` f’Malta fejn se jkun hemm servizzi fil-komunita` għall-kura tal-mard mentali, 130 professjonist. Mental Health Pact 2008. Suwiċidju kull 9 minuti fl-EU li jammontaw għal 54,000 kull sena.
Minn hawn u ftit ġimgħat oħra se jibda jaħdem il-Crisis Intervention Team (Emergenza ta’ Mard Mentali). Infakkar li medja ta’ 30% tan-nies li jbatu mid-dipressjoni, ansjeta` jew sintomi oħra psikosoċjali, jippreżentaw ruħhom għand it-tabib tal-familja mhux b’sintomi psikjatriċi jew psikoloġiċi imma b’sintomi psikosomatiċi bħan-nuqqas ta’ rqad, nuqqas ta’ aptit, għejja, uġigħ fl-istonku eċċ.. Il-Gvern hu kommess li t-taxxi tal-poplu jużahom b’mod l-aktar għaqli u l-użu tagħhom jirrendi l-aktar valur għas-soċjeta` tagħna.
Minbarra l-firxa tas-servizzi fil-komunita` irridu wkoll naraw kif ma’ Ministeri oħra u l-partijiet soċjali kollha inniedu servizzi psikoloġiċi fl-iskejjel tagħna u fuq il-post tax-xogħol fejn nafu li hemm problemi sinifikanti. Hu smat li l-mard mentali jikkawża telf ta’ bejn 2 u 3 fil-mija tal-prodott gross nazzjonali, f’ termini reali għal Malta dan huwa telf ta’ bejn 108 – 160 miljun ewro fis-sena.
Minn studju li sar fost 12-il Membru tal-Unjoni Ewropea nstab li 22% ma jħossuhomx komdi jitħalltu ma’ nies b’mard mentali serju. L-istigma hija frott ta’ idejat infundati fuq il-mard mentali li għadhom jeżistu fis-soċjeta`tal-lum bħal:
1. Il-mard mentali ma jitfejjaqx – Mhux veru. Ħafna mill-mard mentali b’ kura xierqa jitfejjaq kompletament waqt li mard serju u kroniku, li hu rari, jigi kkontrollat b’kura effettiva u l-individwu jkun jista’ jgħix b’ mod san u integrali fis-soċjeta`.
2. In nies b’mard mentali huma inqas intelliġenti mill-medja soċjali – Mhux veru. Ħafna minn nies b’mard mentali għandhom intelliġenza u kapaċitajiet ogħla mill-medja soċjali. L-istorja tad-dinja hija mimlija b’nies ġenji jew ta’ statura kbira li kienu jbatu b’mard mentali. Insemmi biss tliet persuni lkoll magħrufa – Einstein, Churchill u Roosevelt.
3. In nies b’mard mentali huma vjolenti u perikolużi – Din hi perċezzjoni kompletament falza u bla ebda bażi xjentifika jew soċjoloġika. L- istatistika turi li aktar nies li m’għandhomx jew li qatt ma kellhom mard mentali wettqu atti kriminali serji. Din il-perċezzjoni hija frott tal-media. Jekk xi ħadd b’mard mentali jew li xi darba fil-passat kellu mard mentali u jagħmel xi att kriminali dan il-fatt jingħata prominenza fil-media. Il media qatt ma ssemmi li xi ħadd b’mard tal-qalb jew dijabete wettaq att kriminali. Il media għandha rwol importanti ħafna u għandha responsabbilta` etika u morali sabiex inxejnu id-diskriminazzjoni lejn persuni b’mard mentali. Snin ilu ġibna esperti mill-BBC sabiex jedukaw lil min jaħdem fix xandir u mezzi oħra ta’ komunikazzjoni fuq il-mard mentali u kif għandhom jiġu rrappurtati l-aħbarijiet sabiex ma nkomplux inkattru l-istigma. Jiddispjaċini ngħid li wieħed biss attenda – Fr. Joe Borg li kien imexxi l-RTK. Nemmen li jeħtieġ inwaqqfu programmi ta’ taħriġ għall-media sabiex inkomplu inxejnu l-istigma għaliex bl-edukazzjoni nistgħu nbiddlu l-perċezzjonijiet foloz dwar persuni b’mard mentali.
Fl-aħħar nett, għal dawk li għaddejjin minn problemi ta saħħa mentali, ngħalaq b’messaġġ ta’ Madre Teresa, li kienet tgħid hekk: “Naf li Alla ma jagħtinix aktar milli niflaħ, imma kont nixtieq ħafna li kieku ma kienx jafdani daqshekk.” Grazzi mill-qalb.
Mario Galea
No comments:
Post a Comment