Waqt seminar organizzat mill-Għaqda Soċjali tal-Impjegati tar-Residenza San Vinċenz de Paul, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’, l-Onor Mario Galea, irringrazzja lill-ħaddiema kollha u qal li dan is-seminar kien anke mezz prattiku ta’ kif dan ir-ringrazzjament jieħu l-ħajja.
L-Onor Galea qal li minkejja li, b’mod naturali, naħsbu kemm il-darba dwar l-irtirar, ftit li xejn inkunu ppreparati għal dak il-mument. Filwaqt li wħud jiddeċiedu li jkomplu jaħdmu, oħrajn jinvolvu ruħhom f’għaqdiet volontarji.
Sabiex l-ħaddiema japprezzaw u jirrealizzaw aħjar dak li huma stess wettqu matul is-snin ta’ ħidma li taw fir-Residenza, l-Onor Galea stieden lil dawk preżenti biex jiftakru fl-ewwel jum ta’ ħidma fir-residenza u jqabblu dik l-istampa mar-realta’ tal-lum. Id-differenza pożittiva kemm fil-prattiċi u metodi, imma wkoll fil-mod kif topera r-residenza huma kollha frott l-użu ta’ l-esperjenza miksuba mill-ħaddiem.
Is-Segretarju Parlamentari ħeġġeġ lill-ħaddiema sabiex jibqgħu attivi wara li jirtiraw filwaqt li rringrazzjahom tax-xogħol kollu mwettaq għall-ġid tal-anzjani li għexu fir-Residenza.
Matul is-seminar saru diskussjonijiet dwar is-saħħa, l-pensjoni u benefiċċji wara l-irtirar, il-liġi Maltija u l-Anzjani, u l-Volontarjat.
No comments:
Post a Comment