Merħba

Nilqgħukom fil-Blog tas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`. L-għan ta’ dan il-Blog hu Ii nżommuk aġġornat dwar dak li jkun għaddej fl-oqsma tal-Anzjani u Saħħa Mentali li tagħhom hu responsabbli dan is-Segretarjat.

Friday, October 29, 2010

IS-SOĊJETÀ MUŻIKALI SAN ĠUŻEPP ĦAMRUN IŻŻUR L-ANZJANI FIR-RESIDENZA SAN VINĊENZ DE PAUL

Is-Soċjetà Mużikali San Ġużepp Ħamrun ilbieraħ taw sorpriża lill-anzjani residenti fir-Residenza San Vinċenz De Paul f’inizjattiva intiża biex tferraħ lir-residenti Ħamruniżi. Din l-attività kienet parti mill-programm ta’ ġimgħa fl-okkażżjoni tal-25 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Kummissjoni Żgħażagħ.




Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunità, l-Onor Mario Galea, li akkumpanja l-kumitat ċentrali tas-Soċjetà, qal li din l-attività kienet mod li bih ir-residenti setgħu jħossuhom apprezzati mill-komunità li kienu jgħixu fiha qabel ma daħlu fir-residenza. Hu qal li attivitajiet simili għandhom iservu ta eżempju prattiku dwar kif nistgħu nagħtu ġieħ lill-anzjani li, għalkemm ma għadhomx jgħixu fil-komunità, taw sehem importanti fi ħdana.

Il-banda daħlet iddoqq fis-swali differenti, u għalkemm ma kienx possibbli li l-banda ddoqq f’kull sala, għadd ta’ anzjani ngħaqdu mal-banda waqt il-marċi popolari li daqqet. Kien hemm anzjani, ex bandisti, li saħansitra akkumpanjaw il-banda matul iż-żjara.

Mument partikolari kien meta ingħatat tifkira lis-Sur Joseph Mifsud Matrenza li huwa President Onorarju tal-istess Soċjetà. Is-Sur Matrenza nnifsu rringazzja lis-Soċjetà Mużikali San Ġużepp Ħamrun, kif ukoll lit-tmexxija tar-Residenza San Vinċenz De Paul u appella lill-pubbliku in ġenerali biex jiddedikaw aktar ħin lill-anzjani, kemm dawk li jgħixu fil-komunità kif ukoll dawk li qed jgħixu fir-residenzi varji.

No comments:

Post a Comment